Lokali

Il-Gvern għandu jispjega x’qed jiġri fil-każ taċ-Ċentru tar-Riżorsi Dun Manwel Attard tal-Wardija – PN

L-edukaturi u l-ġenituri tat-tfal bi bżonnijiet speċjali li jattendu din l-iskola għandhom kull dritt ikunu jafu x’se jkun qed jiġri miċ-Ċentru u anke dwar is-servizz li jidher li se jibda jingħata mil-Life Map Campus f’Pembroke

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb u qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Dun Manwel Attard tal-Wardija li jilqa’ fih studenti b’diżabbiltà ta’ bejn is-16 u t-22 sena.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea u x-Shadow Minister għan-Newrodiversità u l-Ħarsien tat-Tfal Albert Buttigieg, qalu li dan iċ-ċentru, li għal dawn l-aħħar snin ipprovda servizz eċċellenti u għalhekk serva ta’ serħan il-moħħ għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà, possibbilment se jkun phased out u s-servizz jibda jingħata fil-programm Life Map f’Pembroke.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-fatt li jkun hemm aktar opportunitajiet f’dan is-settur tant sensittiv għax jemmen fid-deċentralizzazzjoni tas-servizzi edukattivi għal tfal u żgħażagħ b’diżabbiltà, jistenna li l-Gvern u l-Ministeri tal-Edukazzjoni u dak tal-Inklużjoni u s-Settur Volontarju jkunu kompletament trasparenti kemm dwar l-iskola tal-Wardija u kemm dwar il-Campus tal-Life Map f’Pembroke li se jkun qed jilqa’ l-ewwel grupp ta’ studenti fih din il-ġimgħa.

Sal-lum, iż-żgħażagħ li jattendu ċ-Ċentru tal-Wardija qegħdin jingħataw edukazzjoni terapewtika li tgħin biex tipprovdi għajnuna, li anki permezz tan-newrodiversità, jingħataw biżżejjed opportunitajiet ekwi u ugwali fis-soċjetà.

Sfortunatament, iżda, l-edukaturi u l-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskola fil-Wardija, ma jafux eżattament x’se jkun qiegħed jiġri miċ-Ċentru matul is-snin li ġejjin għaliex il-Gvern naqas milli jikkonsulta b’mod trasparenti.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista spjega kif qed jistieden lill-Gvern biex kemm jista’ jkun malajr jispjega:

·     X’inhuma l-pjanijiet għaċ-Ċentru tal-Wardija fil-futur u jekk hux se jkun qiegħed jingħalaq;

·     X’se jkun qed isir miċ-Ċentru jekk kemm-il darba ma jibqax joffri s-servizz edukattiv li joffri llum;

·     Kemm huwa ppjanat li jkun investit fih sakemm jiġi kompletament phased out jekk dan huwa l-pjan;

·     Jekk l-edukaturi attwali taċ-Ċentru hux se jkunu assorbiti mill-Campus Life Map;

·     Kemm se jkun qiegħed jilqa’ fih studenti l-Campus tal-Life Map u x’servizzi se jkun qiegħed joffri;

·     X’taħriġ u kwalifiki għandhom l-edukaturi impjegati mill-Campus Life Map u jekk humiex kapaċi jikkomunikaw bil-Malti u bl-Ingliż; u

·     Kemm se jkun qiegħed iħallas il-Gvern għal kull student li jattendi l-Life Map.

Il-Partit Nazzjonalista jrodd ħajr ukoll lill-amministrazzjoni u lill-edukaturi kollha li qed jagħtu servizz fiċ-Ċentru tal-Wardija u jassigurahom l-appoġġ kollu.