Huwa tal-mistħija li l-Ministru għall-Ġustizzja jmur fuq is-Super One u jiftaħ attakk fuq membru tal-ġudikatura li kif għandha kull dritt li tagħmel, applikat biex issir Imħallef. Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata minn Joe Giglio.
Ilbieraħ is-Super One, fl-aħbarijiet, irrapporta kif il-Maġistrat Gabriella Vella applikat – kif wara kollox għandha kull dritt li tagħmel – għas-sejħa biex jinħatru Mħallfin ġodda.
Fir-rapport tiegħu, l-aħbarijiet tal-istazzjon Laburista pprova jżeblaħ lill-Maġistrat Vella talli għamlet hekk minħabba li, skont hu, din tinsab fiċ-ċentru ta’ xi kontroversja minħabba l-konklużjonijiet li waslet għalihom fl-inkjesta tal-Vitals, konklużjonijiet li waslet għalihom permezz tar-rapporti li ngħataw lilha mill-esperti li ġew nominati fl-istess inkjesta.
Eżatt wara din l-item fl-aħbarijiet tal-istazzjon Laburista, ġie intervistat il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard li stqarr li jittama li l-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura ma jagħmilx għażliet ta’ persuni li l-ħatra tagħhom “tista’ toħloq kontroversja”.
Il-Partit Nazzjonalista jikkunanna kummenti bħal dawn li ma jagħmlu l-ebda ġid lill-ġudikatura jew lill-qasam tal-ġustizzja, anzi jimminaw il-ħidma tal-ġudikanti f’pajjiżna. Dan apparti li l-istess kummenti ta’ Jonathan Attard jimminaw ukoll l-istess proċess tal-għażla ta’ ġudikanti ġodda u permezz tagħhom ipprova jinfluwenza l-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikatura.
Kummenti bħal dawn ma għandhom isiru minn ħadd, aħseb u ara kemm għandhom isiru mill-Ministru li huwa responsabbli mill-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjat li jservi ta’ tarka għall-istituzzjonijiet tal-pajjiż, inkluż tal-Qrati u l-ġudikanti li jservu fihom filwaqt li għal darba oħra jtenni l-fiduċja tiegħu fil-ġudikanti kollha u fil-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti.
//= $special ?>