Il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista ma tkunx possibbli jekk il-fergħat tal-Partit Nazzjonalista u l-Kumitati Lokali ma jkunux b’saħħithom. U huwa propju għal din ir-raġuni li Alex Borg wiegħed li se jibqa’ jagħtihom l-għodda kollha sabiex il-poplu jgawdi l-frott tal-ħidma importanti li qed issir mill-PN.
Iddikjara dan Alex Borg innifsu meta t-Tnejn filgħaxija indirizza laqgħa tal-Kumitati u l-Fergħat tal-PN – li minn naħa tagħhom esprimew impenn u entużjażmu biex il-messaġġ tal-PN ikompli jasal għand firxa akbar ta’ nies.

Alex Borg irringrazzja lill-attivisti u l-voluntieri li huma s-sinsla tal-PN. Dan filwaqt li fakkar fil-maratona ġbir ta’ fondi li se ssir is-Sibt 12 ta’ Ottubru – appuntament importanti li permezz tiegħu l-PN se jkompli jissaħħaħ, filwaqt li jimmodernizza l-istrutturi tiegħu.
Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello.
