Edukazzjoni Lokali

Il-Partit Nazzjonalista lest joffri l-għodda meħtieġa għall-edukaturi

Il-futur tal-edukazzjoni u l-ħtieġa li tingħata l-għodda kollha li ssostni u tħarreġ l-edukaturi, kienu diskussi waqt żjara li saret lill-MUT mill-Kap tal-PN Alex Borg – li intlaqa’ mill-President tal-union tal-għalliema, Marco Bonnici.

Waqt din il-laqgħa, Alex Borg insista fuq l-importanza ta’ struttura soda u edukaturi li jingħataw ir-riżorsi u t-taħriġ aġġornat.

U b’hekk, sostna Alex Borg, inkunu nistgħu niżguraw li l-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet li għandhom bżonn biex ikunu attrezzati għall-ħajja tal-lum u ta’ għada.

Il-Kap tal-PN irrimarka fuq il-problema ta’ nuqqas ta’ LSEs fl-iskejjel – sitwazzjoni li qed iħalli għexieren ta’ studenti mingħajr l-appoġġ vitali li għandhom bżonn.

Mal-Union tal-Għalliema, Alex Borg tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu inċentivati biex jidħlu għal karrieri partikolari billi l-istipendju universitarju f’dawn l-oqsma jitla’ għal-livell tal-paga minima. U fakkar kif il-ħatra ta’ kelliem għan-newro-diversità fix-Shadow Cabinet tiegħu huwa impenn ċar li Gvern ġdid Nazzjonalista jfassal politika inklussiva għal kulħadd.

Apparti minn hekk, Alex Borg fakkar lill-MUT li se jsibu l-appoġġ totali tiegħu; kif se jsibu kull min għandu għal qalbu l-progess fl-edukazzjoni u s-suċċess tal-edukaturi u l-istudenti.

Preżenti għal din il-laqgħa mal-MUT kien hemm id-deputati Justin Schembri, u Ivan Castillo