L-Oppożizzjoni tinnota b’sodisfazzjon id-deċiżjoni mogħtija fil-Parlament mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia b’rabta mal-mod kif il-ministeri, id-dipartimenti u awtoritajiet oħra tal-Gvern qed jirrispondu, jew aħjar qed jonqsu milli jipprovdu risposti, għal talbiet tal-Kumitat Permanenti dwar il-Petizzjonijiet.
Għad hemm diversi każi fejn il-Kumitat tal-Petizzjonijiet, immexxi minn rappreżentanza ta’ ħames Membri Parlamentari: tliet Deputati min-naħa tal-Gvern – fosthom il-President tal-istess Kumitat – u ż-żewġ Deputati tal-Oppożizzjoni Ivan Castillo u Charles Azzopardi, għadu qed jistenna risposti għal petizzjonijiet li ilhom li tressqu aktar minn sena. Dan minkejja li l-Kumitat bagħat tfakkiriet ripetuti lill-Ministeri rispettivi.
Dan in-nuqqas ma juri xejn ħlief nuqqas ċar ta’ rispett lejn il-Kumitat tal-Petizzjonijiet innifsu, kif ukoll lejn il-Parlament bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, u fuq kollox lejn il-pubbliku li għandu d-dritt juża l-proċess parlamentari u jistenna li l-petizzjonijiet tiegħu jiġu trattati b’serjetà u b’risposti ċari.
Il-fatt li l-Gvern qed jinjora dawn it-talbiet iħalli lill-pubbliku fid-dlam u bla risposti, eżatt kif qed jiġri bil-Mistoqsijiet Parlamentari (PQs) li spiss ukoll jiġu injorati jew imtawla żżejjed.
Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet, bl-appoġġ tal-membri kollha tiegħu, laħaq qbil li fid-dawl ta’ dan ir-Ruling tal-Ispeaker għandhom isiru emendi għal-Linji Gwida tal-2019 biex ikun hemm garanzija ta’ risposti f’waqthom. B’dan il-mod il-Gvern ma jibqax jgħaffeġ fuq kulħadd billi jinjora petizzjonijiet li jirriflettu l-vuċi taċ-ċittadini.
Ir-Ruling mogħti lbieraħ mill-Ispeaker jikkonkludi li meta petizzjoni jkollha s-saħħa ta’ bejn 75 u 80 firma, allura l-Gvern għandu jkollu obbligu li jagħti risposta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Petizzjonijiet. Filwaqt li meta petizzjoni tilħaq it-800 firma, il-Kumitat ikollu jikkunsidra li din tiġi diskussa fil-Parlament.
L-Oppożizzjoni ttenni l-impenn tagħha li tkompli tiddefendi d-dritt ta’ kull ċittadin li jippreżenta petizzjoni u jirċievi risposta serja u f’waqtha. Din hi kwistjoni ta’ rispett lejn id-demokrazija, lejn il-Parlament u fuq kollox lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>