Iż-żewġ abbozzi ta’ liġi u t-tliet avviżi legali mressqa mill-Gvern se jeqirdu kważi l-protezzjoni kollha tal-ippjanar. U jiftħu l-bibien għal mewġa ta’ applikazzjonijiet minn żviluppaturi biex ikollhom iktar art għall-kostruzzjoni jew biex jintensifikaw l-iżvilupp għall-profitt personali tagħhom.
Dan intqal mill-għaqdiet ambjentali li t-Tnejn inġabru quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar b’messaġġ ċar: li l-Gvern għandu jirtira il-liġijiet tal-ippjanar kif ġew proposti – xi ħaġa li anke l-PN ilu jisħaq fuqha sa mill-bidu nett.
L-Abbozz ta’ Liġi 144 jagħmilha ħafna iktar diffiċli biex wieħed jappella deċiżjonijiet tal-Awtorita tal-Ippjanar.
Barra minn hekk, it-tliet avviżi legali se jirregolarizzaw kull tip ta’ żvilupp illegali, mingħajr ebda limitazzjoni fuq it-tip, il-post jew id-daqs.
Huwa ċar li dawn il-liġijiet mhuma xejn ħlief lista tax-xewqat tal-iżviluppaturi, saħqu l-għaqdiet fil-konferenza tal-aħbarijiet organizzata t-Tnejn.
L-istess għaqdiet qed jibqgħu jitolbu għall-irtirar immedjat tal-abbozzi ta’ liġi u l-avviżi legali. Dan għaliex ma tistax issir konsultazzjoni dwar liġi li hi fundamentalment difettuża, malizzjuża fl-intenzjoni tagħha, u li ma tistax tissewwa.
Huma jridu wkoll l-introduzzjoni urġenti ta’ miżura li tissospendi x-xogħlijiet ta’ żviluppi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar waqt li jkun għaddej appell, permezz ta’ emenda għal-liġi eżistenti.
U l-pubblikazzjoni ta’ White Paper biex titnieda konsultazzjoni ġenwina dwar riformi usa’ tal-ippjanar li Malta verament teħtieġ.
Fid-dawl ta’ dan kollu, huma sejħu protesta nazzjonali għal nhar is-Sibt li ġej. Il-protesta se tibda fl-10am minn quddiem il-Qorti.
//= $special ?>