Il-politika tal-lum għandha tirrifletti u ssaħħaħ il-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Iżda ż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur; huma l-preżent ta’ pajjiżna. Il-passjoni, l-entużjażmu u l-għatx għal bidla fil-mentalità huma wħud mill-elementi li qed jixprunawna sabiex nagħmlu l-pass meħtieġ li jwassal lil dan il-poplu għal kapitlu mill-isbaħ.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel fl-Università ta’ Malta matul freshers week – il-ġimgħa li fiha eluf ta’ studenti, ta’ kull età jibdew il-vjaġġ universitarju tagħhom.

Flimkien max-Shadow Ministers Justin Schembri, Eve Borg Bonello u Bernice Bonello, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kellu laqa’ mill-isbaħ minn mijiet ta’ studenti li qasmu miegħu l-ħsibijiet u l-ambizzjonijiet tagħhom.
Huwa saħaq li l-istudenti kollha għandhom jemmnu fihom infushom, għaliex huma kapaċi jaslu fejn iridu u bil-ħiliet tagħhom żgur li se jirnexxu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar ukoll l-istands ta’ diversi għaqdiet li jinsabu bħalissa fuq il-kampus, u spjega li għall-Partit Nazzjonalista iż-żgħażagħ jibqgħu prijorità.

Apparti l-laqgħat mal-istudenti, Alex Borg kien intervistat minn Campus FM. Hu stqarr li ż-żmien li qatta’ l-Università kien żmien sabiħ ħafna minkejja li huwa perijodu li joffri wkoll inċertezzi – iżda fl-aħħar mill-aħħar hija din l-edukazzjoni li tibnik u tifformak.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista qed joffri futur aħjar għalihom, bi proposti konkreti li mhux biss jistgħu jitjiebu mil-lat akkademiku iżda jibnu futur għalihom fuq pedamenti sodi – bil-Partit Nazzjonalista jibqa’ jkun ta’ spalla kostanti f’ħajjithom.


