Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li jaħdem bħala sewwieq ta’ ‘tow truck’ u li dalwaqt se jsir missier, tressaq il-Qorti akkużat b’serq aggravat ta’ vann tat-tip Toyota li kellu valur stmat ta’ madwar €1,200. Huwa ammetta l-akkużi u ngħata sentenza sospiża.
Il-każ beda meta fl-1 ta’ Lulju sid il-vann irraporta fl-Għassa tal-Pulizija ta’ l-Imtarfa li l-karozza tiegħu kienet nieqsa. Hu kien ħalla l-vann quddiem garaxx għand ‘panel beater’ u ‘sprayer’ għall-tiswija u meta reġa’ għadda mill-post u ma rahx, assuma li kienu diġà bdew ix-xogħol fuqu.
Madankollu, meta ċempel lit-tellar biex jistaqsih dwar il-progress, ġie informat li l-xogħol lanqas biss kien beda u allura ntebaħ li l-vann insteraq. L-investigazzjoni tal-Pulizija wasslet biex instab li l-vann li kien qed jiġi rrekklamat fuq ‘Facebook Marketplace’ biex jitqatta’ biċċa biċċa għall-ħadid.
L-uffiċjali wettqu tfittxijiet f’siti differenti inklużi ‘scrapyards’ u staqsew diversi persuni, fosthom raġel li ammetta li kien żarma l-magna tal-vann iżda qal li ma kienx jaf li kien misruq. L-akkużat spjega lill-Pulizija li kien impjegat tiegħu li talab lilu biex iġib dan il-vann bit-‘tow truck’, li fetaħlu bil-ċavetta u tahulu, u hu mbagħad għaddieh għand il-persuna li qala’ l-magna.
Dan l-impjegat bħalissa jinsab taħt investigazzjoni u mistenni jitressaq ukoll quddiem il-Qorti akkużat b’serq aggravatt. Il-ġuvni kien koperattiv ħafna mal-Pulizija, tkellem volontarjament, ta ismijiet ta’ min kien involut u wera dispjaċir sinċier.
Hu assigura wkoll li m’għadux f’kuntatt ma’ dak l-impjegat. Il-validità tal-arrest tiegħu ma ġietx ikkontestata u l-imputat ammetta l-ħtija. Id-difensur tiegħu, l-Avukat Nicholas Mifsud, sostna li l-klijent tiegħu ġej minn familja tajba u li minkejja li fl-adolexxenza kien beda jfrekwenta nies li setgħu jwassluh fit-triq ħażina, illum għandu ħajja stabbli u hu impjegat b’żewġ tow trucks.
L-Avukat Mifsud iddeskrivieh bħala raġel ħabrieki li nġibed f’din is-sitwazzjoni minn influwenzi negattivi ta’ “ħbieb”, u saħaq li l-akkużat mhux biss ammetta iżda għen fl-investigazzjoni billi pprovda informazzjoni dwar ħaddieħor u wera rieda li jixhed kontra l-kompliċi.
L-avukat insista li sentenza sospiża tista’ twassal biex ma jkunx jista’ jerġa’ jġedded il-liċenzji tat-“tow trucks” u għalhekk jintilef il-mezz ta’ għajxien tiegħu, u talab għal dispożizzjoni ta’ libertà kondizzjonata fil-massimu tagħha flimkien ma’ ordni ta’ ħlas ta’ danni b’mod konġunt ma’ min kien kompliċi.
Il-Prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukat tal-Avukat Ġenerali Giuliana Magro Conti flimkien mal-Ispettur Italo Mizzi, qablet mas-sottomissjonijiet tad-difensur u enfasizzat il-fatturi attenwanti. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef tal-Maġistrat Nadia Helena Vella, wara li rat il-koperazzjoni u d-dispjaċir tal-akkużat kif ukoll iċ-ċirkostanzi personali tiegħu, ikkundannatu għal sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn u ordnatlu jħallas lis-sid tal-vann is-somma ta’ €1,200 fi żmien sitt xhur.
//= $special ?>