Lokali

Jason Micallef jgħid li l-poplu “mar tajjeb” bid-deal tal-Fortina

Il-PN mal-ewwel qal li din kienet serqa mill-bwiet tan-nies. Iżda skont Jason Micallef, il-poplu mar tajjeb bid-deal tal-Fortina.

Din id-dikjarazzjoni saret it-Tnejn fuq TVM, meta Jason Micallef kien mistieden fl-ewwel programm immexxi minn Luke Dalli – programm li matulu Jason Micallef għażel ukoll li jattakka l-konklużjonijiet li ħarġu mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Fortina.

Matul il-programm, li fih ipparteċipa l-avukat Franco Debono, Jason Micallef qal li s-somma ta’ 8 miljun kienet “somma kbira”. Dan meta l-awditur stess ikkonferma li l-kundizzjonijiet il-ġodda kif maqbula fi żmien Gvern Laburista, kellhom iġibu prezz ferm akbar – li jaqbeż l-20 miljun ewro. U kien għalhekk li l-PN dejjem ivvota kontra, f’kull stadju Parlamentari – biex jiddefendi l-interessi taċ-ċittadini.

U fl-istess waqt li ħareġ dan ir-Rapport tal-NAO, kien ġie żvelat illi l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo rċieva numru ta’ pagamenti mingħand il-Kap Eżekuttiv tal-Fortina lura fl-2019 – l-istess sena li fiha l-Lands tat il-barka tagħha għad-deal, li fisser serqa ta’ miljuni mill-valutazzjoni vera tas-sit f’Tas-Sliema.

It-Times kienet spjegat li Piscopo daħħal aktar minn €50,000 matul dik is-sena mingħand żewġ kumpaniji li sid tagħhom huwa Edward Zammit Tabona, CEO ta’ Fortina Investments – b’James Piscopo jdaħħal €153,000 oħrajn mingħand kumpanija oħra li għandha x’taqsam ma’ Zammit Tabona bejn April 2021 u Marzu 2022.

Filwaqt li Zammit Tabona u Piscopo ma ċaħdux li saru dawn il-pagamenti, huma qed jgħidu li dan il-ħlas kien wieħed “leġittimu u privat” mingħajr ebda konnessjoni mal-ftehim tal-Fortina.