Raġel ġie illiberat minn akkuża li għamlel xogħol fil-propjetà tal-eks mara tiegħu mingħajr ħadd ma qabdu iżda instab ħati li rifes fil-propjetà mingħajr awtorizzazzjoni. Fis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Jean Paul Grech kontra Anthony Pisani, il-Qorti kellha tiddetermina żewġ akkużi distinti relatati ma’ allegata intruzzjoni fil-propjetà ta’ dik li kienet martu.
Il-fatti bdew jinqalgħu fl-4 ta’ April 2024 meta Camilleri rrapportat lill-Pulizija li l-eks raġel tagħha kien fil-gallarija tal-appartament tagħha f’Marsaskala mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha. Din l-informazzjoni waslet għandha permezz ta’ ġara li kkuntattjatha bit-telefon, u wara n-neputija tagħha Aingeal Camilleri marret fuq il-post u ħadet filmat u ritratti li juru lill-akkużat fil-gallarija.
L-appartament kien ta’ propjetà esklussiva tal-mara wara li kienet xtratu b’subbasta, filwaqt li l-garaxx fil-binja kien ta’ Pisani. Meta l-Pulizija marru jitkellmu ma’ Pisani fil-garaxx tiegħu, hu stqarr magħhom li kien qed jagħmel xogħol ta’ installazzjoni ta’ strutturi li skontu kienu mwaħħla mal-parti tal-ħajt li seta’ jappoġġja miegħu, u ċaħad li kien qiegħed jaħdem fuq il-propjetà tal-eks mara.
Iżda l-Qorti osservat li fil-mument li Pisani kien suspettat, dan kellu jingħata d-drittijiet tiegħu ta’ konsultazzjoni mal-avukat qabel ma jiġi mitkellem. Peress li dan ma sarx u lanqas ma kien hemm prova ta’ rinunzja bil-miktub, il-Qorti ddikjarat li kienet kostretta tħalli barra l-istqarrijiet tiegħu bħala prova.
L-ewwel akkuża kienet li Pisani fixkel lil Camilleri fil-pussess tagħha billi għamel ħsara jew interferenza fl-opra morta tal-gallarija tagħha. Il-Qorti, però, irrimarkat li l-provi fotografiċi u dokumentarji wrew li t-toqob u l-kanen imsemmija kienu saru jew tqiegħdu qabel din id-data, jiġifieri fit-2 u fit-3 ta’ April, u għalhekk ma setgħux jiġu attribwiti għall-ġurnata indikata fl-akkuża.
Anke l-fokus inizjali tar-rapport kien fuq il-preżenza ta’ Pisani fil-gallarija aktar milli fuq il-ħsara jew l-installazzjoni ta’ strutturi. Għaldaqstant il-Qorti qieset li ma kienx hemm biżżejjed provi biex tiġi ppruvata din l-akkuża u ddeċidiet li teħles lill-imputat minnha.
It-tieni akkuża kienet tgħid li Pisani daħal fil-propr=jetà ta’ Camilleri kontra r-rieda tagħha. Hawnhekk il-Qorti sabet il-provi konvinċenti. Ix-xhieda ta’ bint l-allegata vittma – u ta’ n-neputija tagħha kienu ċari u konsistenti, u anki l-filmat li ttieħed jikkonferma l-preżenza ta’ Pisani fil-gallarija tal-mara fil-ġurnata msemmija.
Barra minn hekk kien hemm ukoll dokumentazzjoni legali li kkonfermat li l-appartament kien propjetà tal-eks mara tal-akkużat, u għalhekk l-intrużjoni ta’ Pisani kienet bla dubju kontra r-rieda tas-sid. Il-Qorti għalhekk sabitu ħati ta’ din l-akkuża.
Bħala konsegwenza, Pisani ġie kkundannat għal multa simbolika ta’ €50, b’rabta mad-dħul mhux awtorizzat fil-propjetà tal-kwerelanta.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Farrugia.
//= $special ?>