Lokali Qorti

Mhux ħati li stupraha lill-eks sieħba tiegħu

Raġel miżżewweġ u li għandu t-tfal ma nstabx ħati li wettaq stupru bi vjolenza fuq l-eks sieħba tiegħu f’Baħar iċ-Ċagħaq. Huwa lanqas ma nstab ħatu li offenda l-pudur jew il-morali b’għemil li sar f’lok pubbliku jew lok espost għall-pubbliku, bejn Diċembru tal-2017 u Jannar tal-2018.

Hija qalet lill-Pulizija b’dan l-istupru ħames xhur wara, wara l-koppja kellhom xi jgħidu bil-mara tgħid li saret aggressjoni fuqha f’ristorant tal-Pizza. Il-Qorti qieset diversi fatturi fil-każ, fosthom l-inkonsistenza tagħha f’dak li qalet.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet fis-sentenza tagħha li l-mara ma kenitx kredibbli u li miċ-‘chats’ kienet qed turi li kienet komda miegħu u fil-perjodu li qalet li stupraha ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li kienet tibża’ minnu.

Hija semmiet ukoll l-episodju serju kien seħħ fil-lejl tat-13 ta’ Mejju 2018 u li wassal għall-arrest ta’ raġel, wara allegazzjonijiet ta’ vjolenza u attentat ta’ abbuż sesswali. Għall-ħabta ta’ nofsillejl u għaxar minuti, il-pulizija tal-Għassa ta’ San Ġiljan ġew imsejħa mill-Control Room b’rapport li kien hemm mara msakkra ġewwa l-Pizza Hut f’San Ġiljan minħabba li kienet qed tiġi attakkata minn raġel.

Meta marru fuq il-post, sabu lil vittma aġitata u tibki li qalet li kienet ġiet imsawta fid-dar tagħha fl-Imsida. Waqt li kienet qed tispjega l-verżjoni tagħha, deher fuq il-post ir-raġel li aktar tard hi identifikat bħala l-allegat aggressur u dan ġie arrestat fuq il-post.

Il-vittma qalet lill-pulizija li hu kien beda jibgħatilha messaġġi fuq il-mobile biex ikellimha. Wara li ċemplitlu lura, ftit wara beda jħabbat fuq il-bieb ta’ dar tagħha. Minkejja li qaltlu biex jieqaf, huwa kompla jagħmel pressjoni u anki beda jgħajjat.

Hi ppruvat tfittex l-għajnuna tal-ġar minn fuq il-gallarija, iżda ġiet imbuttata lura ġewwa u tefagħha fuq is-sufan. Il-vittma allegat li ġiet aggredita fiżikament u ma setgħetx toħroġ mid-dar. Meta rnexxielha tikkonvinċih biex joħorġu, it-tnejn telqu bil-karozza tagħha.

Skont il-verżjoni tagħha, hi kellha l-ħsieb tmur l-Għassa tal-Imsida iżda huwa dawrilha l-isteering biex ibiddel id-direzzjoni. Fl-aħħar għamlet pressjoni biex imorru għand il-manager tal-Pizza Hut, li seta’ jgħinha u jsejjaħ lill-pulizija. Hekk kif waslu, hi stqarret quddiem il-manager li kellha bżonn l-għajnuna u dan sakkar il-bieb u ċempel lill-pulizija.

Min-naħa tiegħu, l-imputat ċaħad dawn l-akkużi u ppreżenta verżjoni differenti, fejn qal li kien raqad id-dar sakemm ħareġ aktar tard ma’ ħabiba tiegħu Ġermaniża, u mbagħad kien mar għand il-vittma bħala sorpriża.

Spjega li sab raġel ieħor fid-dar tagħha, li qal li kien Libjan, u sostna li kienet il-vittma li riedet iżżommu milli jitlaq. Wara ħarġu u ġewwa l-karozza tagħha hi insistiet biex imorru l-Pizza Hut. Skontu, hu baqa’ barra sakemm deher il-manager u l-pulizija, li mbagħad arrestawh.

Il-vittma ġiet iċċertifikata bi ġrieħi ħfief fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, waqt li wkoll l-imputat ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief. L-Ispettur Lara Butters ordnat l-arrest tiegħu u sar rapport dettaljat dwar dak kollu li seħħ.

Il-verżjoni tal-vittma, magħrufa bħala Omissis, kienet ċara fil-konfront tal-pulizija. Hija qalet li għall-ħabta tal-10 p.m. kienet ġewwa r-residenza tagħha meta l-imputat, Ali, beda jibgħatilha messaġġi u jċemplilha fuq il-mobile biex ikellimha. Għalkemm f’ħin minnhom wieġbitu, hu qata’ t-telefonata. Aktar tard Ali ħabbat fuq il-bieb tal-appartament tagħha diversi drabi. Minkejja li qaltlu biex jieqaf, huwa baqa’ jinsisti u anke beda jgħajjat.

Il-mara qalet lill-Pulizija li minħabba l-biża’ li ħasset, ħarġet fil-gallarija biex tavża lill-ġirien. Dak il-ħin sabitu hemmhekk. Allegat li mbuttaha lura ġewwa, daħal fl-appartament u ssakkar il-bieb tal-gallarija. Qalet li l-akkużat beda jgħajjat ħafna meta ra ġuvni fl-appartament attakkaha, u kkawżalha ġrieħi ħfief.

Hija spjegat li ppruvat tikkalma l-imputat u eventwalment kkonvinċietu biex joħorġu, billi beżgħet li l-preżenza tal-ħabib tagħha setgħet tiggrava s-sitwazzjoni. Fl-aħħar marru Pizza Hut, fejn kienet taħdem, għax ħasset li kienet iktar sigura u setgħet tikseb l-għajnuna. Meta waslu, talbet l-għajnuna tal-manager u qaltlu biex iċempel lill-pulizija.

Ix-xhud investigattiv ikkonfermat li meta ġiet infurmata b’din l-aħbar, ordnat li l-akkużat jiġi arrestat fuq il-post. Aktar tard fil-ġurnata, hi ġiet mitlubha mill-pulizija biex tmur l-Għassa tal-Imsida fejn spjegat il-verżjoni tagħha dwar inċident li seħħ il-lejl ta’ qabel.

Hija qalet li kienet ġewwa r-residenza tagħha flimkien ma’ ħabib jismu Mohammed, u spjegat li kienet kellha relazzjoni mal-akkużat, iżda kienet waqfet seba’ xhur qabel minħabba li kien miżżewweġ u kellu tfal.

Hi sostniet kif l-akkużat beda jibgħatilha diversi messaġġi fuq il-Viber u kif saqsiha biex ikellimha. Qalet li meta ħarġet fil-gallarija biex titlob l-għajnuna tal-ġirien, hu ħadilha l-mobile. Il-ħabib tagħha Mohammed pprova jikkalma lill-akkużat u bdiet komunikazzjoni bl-Għarbi bejn it-tnejn, iżda hi qalet li ma setgħetx tifhem eżattament x’kien qed jgħid l-akkużat.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-chats u l-messaġġi miċ-ċellulari ppreżentati mill-parte-ċivili, il-Qorti osservat li l-mara fl-ebda punt ma stqarret lill-imputat biex jispiċċa jikkomunika magħha. Fil-fatt, kien hemm okkażjonijiet fejn kienet hi stess li ċemplitlu jew irrispondiet għall-messaġġi tiegħu.

Meta xehdet viva voce, Omissis spjegat li l-imputat kien persistenti u qed jipprova jkellimha, u dan kollu sar f’kuntest ta’ relazzjoni li kienet waqfet qabel. Fil-Qorti ħareġ ukoll li hi kienet tgħid lill-imputat biex jekk irid tagħmilha ta’ ‘baby sitter’ għat-tfal tiegħu.

Il-Qorti, wara li eżaminat ix-xhieda kollha u d-dokumenti ppreżentati, osservat li l-verżjoni tal-mara kienet kontradittorja. Għalkemm ċaħdet li fetħet il-bieb tal-appartament tagħha, dan kien ikkontestat mhux biss mill-imputat innifsu iżda wkoll mill-ħabib tagħha li kien xhud okulari tal-inċident u xehed li kienu hu u hi li fetħu l-bieb.

Fost ilp-kontradizzjonijiet il-mara qalet l-ewwel li kien l-akkużat li tefagħha fis-seat ta’ wara tal-karozza u iktar qalet li marret minn jeddha fuq wara. Barra minn hekk, surġent tal-pulizija li wasal fuq il-post ċaħad kwalunkwe allegazzjoni li l-imputat kien għadda minn tieqa biex jidħol fil-gallarija, distanza li kienet madwar “nofs sular.” Il-Qorti osservat ukoll li l-mara, minkejja li assumiet li kien l-imputat li ħabbat fuq il-bieb, ma ċemplitx għall-għajnuna immedjatament.

L-ispjegazzjoni tagħha li ħarġet fil-gallarija biex tikkontrolla l-preżenza tal-imputat u biex issejjaħ lill-ġar kienet mhux kredibbli, speċjalment meta l-istess ġar setgħet ikkomunikat magħha b’mod aktar effettiv permezz tat-telefon. Ħareġ ukoll li kienet hi li ċemplitlu u mhux hu biex imur għandha.

Fl-aħħarnett, id-dikjarazzjonijiet dwar il-vjolenza fiżika allegata ma ġewx ikkorroborati minn xhud okulari, u dan qabbel il-Qorti għal dubju serju dwar il-veridikità tal-allegazzjonijiet. Għaldaqstant hu ġie lliberat minn kull akkuża.