34 sena u fil-mument qed ikun l-aktar plejer offensiv ta’ theddida għal kull difiża avversarja tal-Malta Premier. Wara match day 7 tal-Kampjonat, Yuri de Jesus Messias ta’ Valletta qed juri li kien l-aktar akkwist effettiv li sar minn klabb tal-Malta Premier matul ix-xhur tas-sajf.
Il-Brażiljan, li kapaċi jilgħab kemm fl-attakk kif ukoll winger fuq il-lemin, skorja ż-żewġ gowls ta’ Valletta fir-rebħa ta’ 2-1 li dawn kellhom kontra Tarxien Rainbows nhar il-Ħadd li għadda. Fil-fatt, Yuri reġa’ kien il-magħżul tal-ġurnalisti preżenti għall-unur tal-Most Valuable Player, unur li tagħti wara kull logħba l-MPL.

Yuri, bit-trofew tal-Most Valuable Player, fit-tmiem tal-partita li Valletta rebħu kontra Tarxien Rainbows.
F’partita bejn iż-żewġ timijiet promossi għall-Malta Premier dan l-istaġun, wara li fl-istaġun li għadda temmew fl-ewwel żewġ postijiet taċ-Challenge League, Valletta reġgħu kienu impressjonanti fil-veru sens tal-kelma, billi komplew juru personalitá fil-kollettiv, u dawwru r-riżultat favur tagħhom wara li kienu Tarxien Rainbows l-ewwel li skorjaw f’din il-logħba.
Il-maġija li waslet għar-rebħa ta’ Valletta kontra r-Rainbows wettaqha Yuri, meta skorja żewġ gowls għal total ta’ sitt gowls skorjati s’issa fil-Malta Premier. Dan l-ammont ta’ gowls minn Yuri, ipoġġi lill-eks plejer ta’ Marsaxlokk fl-ewwel post fil-klassifika tal-aqwa skorers.

L-istatistika miġbura s’issa, wara l-ewwel seba’ partiti tal-Malta Premier, u li turi l-kontribut u l-prestazzjonijiet li qed ikollu Yuri ma’ Valletta (ritratt Andrew Grima).
“Vera li llum il-gowls tiegħi kienu determinanti biex ksibna r-rebħa kontra Tarxien Rainbows, iżda ma nistax ma nfaħħarx għas-sehem li taw fil-partita sħabi kollha fit-tim. Mingħajr il-kontribut tagħhom, la kont niskorja u lanqas konna nirbħu. Kienet partita diffiċli ħafna, iżda fl-aħħar mill-aħħar l-aktar ħaġa importanti llejla hi li ksibna tliet punti oħra,” qal Yuri, fl-ewwel kummenti spontanji tiegħu appena ntemmet il-logħba ta’ nhar il-Ħadd li għadda.
F’mument ewforiku, Yuri kellu kliem ta’ ringrazzjament u tifħir kbir għall-partitarji Beltin, “mingħajr l-appoġġ li kontinwament jagħtuna il-partitarji ta’ Valletta, jien m’jien ħadd. Illum irrid nirringrazzjaw tassew.”
//= $special ?>