minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Almenu, din is-sena, sa issa għadha ma qamitx il-‘polemika’ dwar liema għandha tkun il-Festa Nazzjonali unika ta’ pajjiżna. Ħafna drabi b’artikli varji, b’ideat ukoll daqqa kkumplikati u daqqa ċari ħafna. Imma minkejja kull kelma oħra l-pożizzjoni baqgħet l-istess: minn meta ġew stabbiliti fl-1987. Dan fi sforz lejn rikonċiljazzjoni fejn mhux biss il-pożizzjoni tal-partiti tiġi rispettata imma wkoll dik reliġjuża. Il-festi jagħmlu differenza fil-ħajja tal-bniedem u huma wkoll parti mill-kwalità tal-ħajja tiegħu. Ħafna, fil-bidu tas-sena, ikunu diġà raw meta ser jaħbtu u jekk jistgħux itawlu biex jistrieħu. Jiem id-dar inkella għas-safar li kompla jaqbad, iktar u iktar bl-għajnuna ta’ offerti varji lejn destinazzjonijiet varji. U ħafna jħobbu jmorru.
Miżuri
Miżura mhux tant popolari kienet dik li neħħiet il-prattika li meta l-festa taħbat is-Sibt jew il-Ħadd, tingħata t-Tnejn. Għad hemm min għadu jsemmiha. Sinjal evidenti li l-bniedem ifittex li f’dawk il-ġranet ikun maqtugħ mir-rutina tal-ħajja u d-dinja tax-xogħol. Kienet x’kienet l-esperjenza politika tagħna ma morniex għas-sistemi Komunisti li fihom il-Ħadd ma kienx jeżisti. Bqajna dawk li nagħrfu nieqfu għax hemm ġurnata għar-ruħ. Għall-ispirtu intern tal-bniedem. Tieqaf biex tkompli għaddej. Ħaddiem, hu min hu u ġej minn fejn hu ġej, jaf li huwa salutari għalih li jieqaf proprju biex anki jifhem ftit min hu u fejn hu sejjer. Hemm element qawwi ta’ dinjità umana li trid tiġi rispettata u li hija mill-iktar naturali.
Storja
Min jaqra l-istorja jaf li l-Festi Nazzjonali jinbidlu. Daqqa jiżdiedu u daqqa jonqsu. Jingħad li l-aqwa żmien għall-festi, l-iktar dawk reliġjużi, kien taħt il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Varjetà ta’ festi li kienu jiġu ċelebrati fit-tul, tlett ijiem wara jew anki ġimgħa sħiħa wara. Żmien ieħor, ċertament. Kien bil-preżenza tal-Ingliżi li wara sejħa lill-Arċisqof li dawn ġew debitament ridotti. Ovvjament, l-estremi huma żbaljati. Huwa wkoll li hemm kont ekonomiku li jitħallas. Imma hemm ferm iktar id-dinjità tal-bniedem li trid tiġi rispettata fil-kuntest preżenti. Dinjità li hija fiċ-ċentru tal-politika tagħna, u hekk għandha tibqa’.
Mhux biss
Dan id-dibattitu mhuwiex biss magħna. Aħna parti mid-dinja oċċidentali. Ngħid iktar dan għax fl-Italja nqabad dibattitu politiku interessanti marbut mal-4 ta’ Ottubru. F’dak il-jum niċċelebraw aħna wkoll il-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Imma għal dak il-poplu, sal-1977 dan il-jum kien festa nazzjonali li tneħħiet wara dibattitu twil u kkumplikat. Biss issa, il-Gvern ta’ Giorgia Meloni ddeċieda li jdaħħalha lura. Jew almenu, li jipproponi li tiġi introdotta mill-ġdid. Ġieħ mistħoqq lil dan il-Qaddis li biddel il-Knisja Kattolika u l-kultura Ewropea. Wieħed li influwenza u għadu jmexxi u jispira bnedmin b’ideat u viżjonijiet differenti tal-ħajja.
X’intqal
F’artiklu ta’ Lucia Bellaspiga (1963), ġurnalista speċjali għall-ġurnal Taljan Avvenire, dwar dan is-suġġett kitbet tajjeb. Wara ħamsin sena mill-1977 hija tħossha libera li tiddikjara li l-proposta hija b’saħħitha għax ġejja mill-maġġoranza imma wkoll, għax kif tgħidilna: “… ma perché oggettivamente l’attualità di San Francesco non può cheri chiama regni front epolitico e di pensiero alla coerenza di valori che sono condivisi e universali, tanto più urgentiin un epoca in cui l’umanità hariscopertotragicamente il suovoltopiù Barbaro e incivile.” (… imma għax oġġettivament l-attwalità ta’ San Franġisk ma tistax ma tkunx sejħa lil kull partit politiku u kurrent ta’ ideat fuq il-koerenza ta’ valuri li huma mħaddna u universali, dawn iktar urġenti f’epoka preżenti fejn l-umanità qed tiskopri mill-ġdid, traġikament, l-aspett barbaru u inċivili li qed naraw.)
Opportuniżmu?
F’dan hemm forma ta’ opportuniżmu politiku, wieħed neċessarjament jistaqsi. Hemm doża ta’ dan, imma hemm ukoll ċerti fatti u ċirkostanzi li jimmilitaw favur fis-sewwa. Vot favur fil-Parlament Taljan mhux biss irendi ġustizzja u rispett lura lil Qaddis li huwa tant parti mill-istorja tal-pajjiż imma aktar. Wirtu huwa parti mill-għeruq it-tajba tagħhom. Dan apparti mill-kwantità kbira ta’ bnedmin li kull sena jmorru Assisi fuq il-qabar tiegħu. Imma wkoll f’dan għax is-sena li ġejja hija wkoll it-tmien mitt anniversarju mill-mewt ta’ San Franġisk. Huwa mistenni li fl-2026 ser ikun hemm ċelebrazzjonijiet ippreparati għal jum daqshekk importanti. Wieħed li fih ser inkunu lura fl-għarfien aqwa ta’ dak li ħallielna. Il-moviment li beda u li għadu sejjer ser jiġi mfakkar anki f’pajjiżna. Is-sabiħ hu li s-sena li ġejja, il-ġurnata tal-4 ta’ Ottubru ser terġa’ taħbat il-Ħadd. Ma hemmx, proprju għalhekk, ebda raġuni sabiex aħna wkoll, fil-kunventi varji tagħna ma nfakkrux u niċċelebraw, ikun xi jkun il-każ.
Xieraq
Niftakru mill-ġdid li hemm messaġġ universali ta’ paċi, fraternità, solidarjetà u ħarsien tal-ambjent.F’dan kollu, għalhekk, huwa sabiħ li soċjetajiet viċin tagħna jagħrfu l-valur tal-passat storiku tagħhom. Jiġri x’jiġri, il-fatt hu li minkejja kull progress tekniku u ekonomiku li setgħu waslu fih jafu li dan huwa mertu ta’ dak li trabbew fih. Aħna f’dan ukoll għandna nieħdu eżempju. Il-festi tagħna mhumiex żejda, kif ikun hemm min jagħti x’jifhem, imma huma parti integrali mit-tessut soċjali tagħna. Rikonoxximent tal-piż morali li aħna, bħala poplu, għandna diġà u għandna nieħdu ħsieb nipproteġu. Jekk pajjiż b’tant miljuni ta’ bnedmin jagħraf li d-dikjarazzjoni ta’ festa nazzjonali bħal din tagħmillu l-ġid, kemm iktar għandna nkunu grati b’dak li għandna aħna? Il-festi reliġjużi f’dawn il-gżejjer mhumiex ħlief ta’ ġid u jkun żbaljat min, b’xi mod, jiċħadhom jew iċekkinhom.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 30 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>