Opinjoni

OPINJONI: Il-paniku fil-PL rifless fl-attakki inġusti

Matul dawn l-aħħar jiem, il-Partit Laburista intensifika l-kritika tiegħu lejn il-Kap il-ġdid tal-PN u tal-Oppożizzjoni Alex Borg

George Muscat
Kandidat
Partit Nazzjonalista

Dawn tal-Labour ħelwin u tagħhom jagħtuh lil ħaddieħor. Skont l-istqarrijiet tal-PL, Alex Borg qed “joħloq paniku bla bżonn” speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà, immigrazzjoni, u l-ordni pubbliku!
Imma x’inhi eżatt is-sitwazzjoni? U dan il-“paniku” hu frott ta’ retorika politika biss, jew qed jirrifletti t-tħassib tal-PL li Alex Borg tassew qed jindirizza r-realtajiet li għandna f’pajjiżna fejn il-poplu jixraqlu li jgħix ferm aħjar u jkun stmat?
Il-Kap tagħna Alex Borg ilu jpoġġi lilu nnifsu bħala vuċi “diretta” u “bla biża’”, partikolarment fir-rigward ta’ problemi li jħoss li qed jiġu injorati mill-Gvern ta’ Robert Abela. Alex Borg qed iħoss il-polz tal-poplu u hu determinat li jiddefendi l-veru interessi ta’ pajjiżna u tal-poplu.
Fil-messaġġ tiegħu, kif rajna wkoll fil-jiem li għaddew fi Pjazza Tritoni, hu jindirizza sitwazzjonijiet reali, bħall-korruzzjoni (l-iskandlu ‘Fortina’), il-kriminalità, in-nuqqas ta’ kontroll fuq l-immigrazzjoni u tensjonijiet soċjali ġodda.
Il-PL xejn mhu jieħu pjaċir jara lil Alex Borg jikber u jattira l-folol warajh għaliex għandu messaġġ qawwi ta’ tama u għalhekk qed jakkuża lil Alex Borg li qed jagħmel dan biex jakkwista punti politiċi.
Imma l-verità hi li Alex Borg qed jitkellem bl-aktar mod ġenwin, dirett u qed jindirizza l-problemi vera li hawn fil-pajjiż u li tagħhom il-poplu hu l-vittma… l-għoli tal-ħajja, is-sitwazzjoni fis-saħħa, in-nuqqas ta’ sigurtà… għal Alex Borg m’hemmx differenza bejn l-aħmar u l-blu.

Għandu jibqa’ lura?
Fuq kollox hawnhekk tidħol il-mistoqsija: għandux politiku jżomm lura milli jitkellem dwar il-problemi ta’ pajjiżna quddiem il-pubbliku sempliċement għax tan-naħa tal-Gvern jgħidu li jistgħu joħolqu t-tħassib? Jew għandna naċċettaw li, kultant, biex isseħħ bidla, hemm bżonn inqajmu wkoll ċerta urġenza?
Jidher li dan id-dibattitu mhux se jieqaf dalwaqt. Bħala pajjiż demokratiku, għandna bżonn politiċi li ma jibżgħux jitkellmu u li jitkellmu wkoll b’responsabbiltà. L-għan ma jistax ikun li nsaħħnu l-ansjetà tal-poplu, imma lanqas ma jista’ jkun li ndaħħlu rasna fir-ramel u ninjoraw sinjali ta’ allarm. B’maturità u bl-aktar mod mhux diviżiv, Alex Borg qed iwassal il-viżjoni tiegħu għal pajjiżna… biex dan pajjiżna jkun salvat qabel ma jkun tard wisq.
Alex Borg, b’karattru determinat u bi stil popolari, qed jattira segwitu b’saħħtu. Il-PL qed jipprova jżeblah dan l-approċċ bħala wieħed ta’ “paniku bla bżonn”. Imma l-verità hi xort’oħra: hemm bżonn ta’ diskussjoni onestà u matura, fejn il-problemi jiġu analizzati bis-serjetà, b’ċifri, b’evidenza u b’viżjoni u hekk qed jagħmel Alex Borg.
Il-poplu qed isegwi, u aktar minn qatt qabel qed ifittex politiċi li mhux biss jitkellmu – imma jsolvu.
Kemm Robert Abela kif ukoll Alex Borg għandhom responsabbiltà lejn dan il-poplu: li jitkellmu b’serjetà, b’rettitudni u fl-aħjar interess ta’ Malta – mhux tal-partit.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 28 ta’ Settembru, 2025.