Quddiesa tal-Ġublew għall-Membri tal-Forzi Dixxiplinati ta’ Malta kienet ċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Għaliha attendew mal-500 membru mill-Forzi Armati, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Uffiċjali Korrettivi ta’ Kordin. Ikkonċelebraw iċ-chaplains li jaħdmu magħhom f’Malta u Għawdex: il-Provinċjal Patri Ivan Scicluna OFM Cap, Dun Joe Meli, Dun Sergio Fenech, Patri Ray Bonnici OFM Cap, Patri Bernard Mangion OFM Cap, u Patri Jethro Bajada OFM Cap.
Waqt l-omelija, l-Arċisqof Scicluna fakkar il-festa tat-tliet Arkanġli Mqaddsa Mikiel, Gabrijel u Rafel, li isimhom ifissru l-missjoni li Alla fdalhom. Permezz tagħhom niftakru li għandna bżonn lil Alla għax Hu jgħallimni nħobb lilu, lili nnifsi u lil għajri bħali nnifsi; li l-qawwa vera tiegħi qiegħda f’Alla u fis-sewwa; u li Alla jfejjaq ruħna u ġisimna.
L-Arċisqof fakkar ukoll li l-Arkanġlu Mikiel hu wkoll id-difensur tal-poplu t’Alla u ħeġġeġ lill-membri tal-forzi dixxiplinati biex jaraw “li l-missjoni tagħkom tkun dik li tindokra u tieħu ħsieb taċ-ċittadini. Mhijiex sejħa la għall-arroganza u lanqas għas-suppervja l-missjoni tagħkom. Imma tafu li biex taqdu lill-pajjiż tridu taqduh fis-sewwa”.
Żied jgħid li l-battalja li qed jiġġieldu f’isem l-istat u f’isem is-sewwa mhijiex tagħhom biss imma “taċ-ċiviltà kontra l-barbarja, tas-sewwa kontra l-għawġ, il-korruzzjoni, il-gideb u l-ħażen. Il-missjoni tagħkom fil-qasam partikolari tagħkom hija essenzjali. Imma daqskemm hija essenzjali hija diffiċli. U allura għandkom bżonn ukoll il-protezzjoni mhux biss li tagħżlu t-tajjeb imma għandkom bżonn ukoll il-ħarsien – il-ħarsien t’Alla, tal-Arkanġli u anke tal-istat”.
L-Arċisqof għalaq l-omelija tiegħu billi talab għas-sapport neċessarju biex dawk kollha li qed jagħmlu dan ix-xogħol, li jlaqqagħhom ma’ sitwazzjonijiet diffiċli ħafna, ikunu jistgħu jkompluh u “mix-xogħol tagħkom toħorġu sostnuti u mhux mkissra”.
//= $special ?>