Żewġt irġiel Indjani, Jibin George ta’ 31 sena u Syed Salman ta’ 24 sena, ġew ikkundannati għal sentenza ta’ 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammettew li għamlu kuntratti foloz ta’ kiri ta’ djar quddiem l-aġenzija governattiva Identità sabiex jiksbu permessi ta’ residenza jew ta’ xogħol. Il-każ ħareġ fid-dawl meta ż-żewġt irġiel ġew arrestati fl-uffiċċji ta’ Identità fl’Imsida.
Is-sottomissjoni ta’ kuntratt ta’ kiri hija parti mill-proċedura ta’ dokumentazzjoni neċessarja għall-permess ta’ residenza jew ta’ xogħol. Salman ġie mixli li għamel dan darbtejn, b’suspett serju li wieħed mill-permessi ngħata fuq il-bażi ta’ kuntratt falz.
Hu stqarr mal-Pulizija li ħallas is-somma ta’ €250 sabiex jakkwista dan il-kuntratt falz. Min-naħa tiegħu, George inizjalment ippreżenta wkoll kuntratt falz iżda wara mar quddiem l-awtoritajiet b’kuntratt ġenwin. It-tnejn ġew akkużati li għamlu dikjarazzjoni falza quddiem awtorità pubblika, li għamlu użu minn dokument falz u li taw informazzjoni mhux korretta.
Wara li wieġbu ħatja, il-Qorti qieset il-koperazzjoni tagħhom u l-ammissjoni bikrija. Il-każ tmexxa mill-Ispettur Karl Roberts għall-prosekuzzjoni, waqt li l-avukati Tiziana Micallef u Adreana Zammit dehru għal Jibin George u l-avukat Francois Dalli deher għal Syed Salman.
//= $special ?>