Lokali Parlament

Wara d-deċiżjoni tal-qorti dwar l-isptarijiet, il-gvern m’għamel xejn dwar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia sostna fil-parlament li wara d-deċiżjoni tal-qorti dwar l-isptarijiet, il-gvern m’għamel xejn dwar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Adrian Delia qal li għamel żjara fiċ-Ċentru Mediku ta’ Raħal Ġdid fejn qed jingħataw 40% tas-servizzi li jistgħu jingħataw minnu. Is-sena d-dieħla dan iċ-Ċentru se jkun qed joffri s-servizzi kollha.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan iċ-Ċentru dam biex tlesta u fih intefqu ħafna iktar flus minn dak proġettat. Kull investiment irid isir b’għaqal għaliex dawn huma taxxi li jinġabru mingħand in-nies. Il-Gvern hu obbligat li jinvesti b’għaqal.

Hu tkellem ukoll dwar is-settur tas-saħħa fosthom il-każi tal-isptarijiet u qal li wara l-kawżai l-gvern m’għamel xejn dwar l-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dwar l-€400 miljun, id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern kien qed jiddandan u jgħid li kien se jirrisolvi din il-kwistjoni. Il-gvern intervjena biex iwaqqaf lill-Avukat tal-Istat milli jwettaq dan l-impenn. Il-Prim Ministru wiegħed li sa sitt xhur ilu l-arbitraġġ kellu jkun deċiż iżda l-gvern baqa’ jitraeni biex jaċċerta li dawn il-flus ma jiġux għand il-poplu Malti.

Dwar iċ-Ċentru tat-Tramuntana l-gvern baqa’ jgħid li dan mhux se jsir minkejja li se jagħmel xi xogħlijiet f’xi ċentri mediċi oħra. Problemi oħra huma dwar il-mediċini.

Adrian Delia tkellem dwar is-saħħa mentali u qal li l-gvern kien qal li kelli pjan ta’ investiment qawwi f’Monte Carmeli imbagħad inbidel il-pjan u sar wieħed għal bini ta’ sptar ġdid fis-Swatar iżda s’issa m’ hemm xejn. Dan filwaqt li l-Kumitat dwar is-Saħħa u s-Soċjal idum sentejn biex jiltaqa’.

Adrian Delia kompla li fid-Dipartiment tal-Emerġenza hemm emerġenza kif ikkonferma l-istess Ministru tas-Saħħa. Is-settur privat għandu jun involut b’mod konsistenti u mhux meta jkun hemm kriżi.

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li kull proġett li jagħmel il-gvern ikun mifni b’pandemija ta’ problemi tant li l-proġett tal-Emerġenza jinsab imwaħħal. L-istima tal-gvern kienet ta’ €80 miljun iżda dak li tefa’ l-offerta kien ferm iktar ogħoli; €140 miljun. L-istima tal-gvern kienet baxxa jew il-prezz tal-kuntrattur kien esaġerat? Din l-offerta kienet ikkanċellata u hemm proċeduri l-qorti. Dan il-każ jeħtieġ ikun solvut b’mod immedjat għaliex ma jistax ikun hemm entitjaiet governattivi joħorġu offerti żbaljati. Ir-responsabbiltà hi tal-Prim Ministru għaliex hu jagħżel il-persuni fuq il-kumitat tal-kuntratti; il-gvern irid isolvi din il-problema immedjatament.

Adrian Delia qal li s-saħħa għandha tingħata l-aqwa prijorità, il-pazjent għandu jiġu l-ewwel bla kuluri jew favuri għax is-saħħa hi dritt fundamentali bħall-ħajja.