Lokali

Aktar attivisti jappoġġjaw l-abbozz tal-PN dwar l-ambjent

Ix-xewqa tal-għaqdiet ambjentali dejjjem kienet li l-protezzjoni tal-ambjent tkun dritt imnaqqax fil-kostituzzjoni – u għalhekk, bosta qed jappoġġjaw l-isforz li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex jiddaħħal dan id-dritt ambjentali.

Dwar dan tkellem il-President tar-Ramblers, Ingram Bondin, meta it-Tlieta kien mistieden fil-programm NETLIVE fuq Net Television.

Waqt l-istess programm, Ingram Bondin fakkar ukoll li s-suppost riforma li ħabbar il-Gvern fis-sajf, se tibdel kompletament – u b’mod negattiv – kif taħdem is-sistema tal-ippjanar.

Huwa stqarr illi l-iskop ta’ din ir-riforma kien li kull forma ta’ protezzjoni ambjentali titneħħa, u r-regolamenti jiġu inefettivi.

Hawnhekk, Ingram Bondin saħansitra kkritika l-Gvern ta’ Robert Abela, li permezz ta’ din ir-riforma se jkun qed iħalli bini ta’ torrijiet u żvilupp bla kontroll.

Waqt l-istess intervista Ingram Bondin stqarr illi l-għaqdiet analizzaw eżattament x’tinvolvi din ir-riforma u ħarġu jikkritikawha wara li sar magħruf li l-Gvern se jdaħħal id-diskrezzjoni, u se jagħti poter lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Ippjanar Johann Buttigieg, biex l-ODZ jinbidel f’żona ta’ żvilupp, jew jibdel żona ta’ containment biex issir high rise. Dan mingħajr ebda konsultazzjoni jew studju.Huwa semma’ kif il-Gvern preżenta dawn l-abbozzi b’tali mod biex il-liġi tkopri permessi partikolari.

U fakkar ukoll li issa se tkun aktar diffiċli għall-organizzazzjonijiet biex jiġġieldu kontra ċertu żviluppi bla pjan.

Intant, is-sibt se ssir protesta nazzjonali sabiex il-poplu jwassal messaġġ ċar lill-Gvern kontra dawn l-liġijiet tal-ippjanar. Il-protesta, li qed issir minn diversi għaqdiet, akkademiċi u attivisti, se tibda fl-10am minn quddiem il-Qorti.