L-eks plejer internazzjonali Malti tal-waterpolo, Aurelien Cousin ġedded il-kuntratt tiegħu għal erba’ snin oħra mal-ASA, biex ikompli bl-esperjenza tiegħu fir-rwol ta’ kowċ nazzjonali tan-nisa.
Fi stqarrija maħruġa mill-ASA, l-estensjoni tal-kuntratt ta’ Cousin fit-tmexxija teknika tat-tim nazzjonali tan-nisa, “jimmarka l-impenn fit-tul għall-iżvilupp u s-suċċess tal-waterpolo Malti.”
Fuq kollox, tkompli tgħid l-istqarrija, bil-fiduċja li qed tkompli tagħti l-ASA lil Cousin biex jibqa’ jaħdem fuq il-proġett ambizzjuz li jgħolli l-profil tal-waterpolo tan-nisa kemm f’Malta kif ukoll internazzjonalment, “jirrifletti d-determinazzjoni tal-ASA li tibni l-kontinwità u l-istabbiltà fl-ogħla livell tekniku tal-isport.”
Fl-istess jum li l-ASA ħabbret it-tiġdid tal-kuntratt ta’ Cousin bħala kowċ nazzjonali tan-nisa, l-assoċjazzjoni nediet ukoll l-ewwel żjarat fl-iskejjel bħala parti mill-ASA School Drive.
Din l-inizjattiva hija mfassla biex iġġib il-waterpolo direttament fil-klassijiet u l-pixxini, u tagħti lill-istudenti l-opportunità li jesperjenzaw l-isport direttament.
L-School Drive hija parti ċentrali mill-istrateġija tal-ASA fil-livell lokali, li għandha l-għan li twessa’ l-parteċipazzjoni u tispira l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ atleti f’dan l-isport.
//= $special ?>