Fil-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Anzjani, Caritas Malta, kif tagħmel ta’ kull sena, organizzat quddiesa speċjali fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid.
Il-quddiesa saret illum fl-1 ta’ Ottubru 2025 u attendew għaliha ’l fuq minn elf anzjan minn diversi rħula, parroċċi u djar residenzjali madwar Malta.
Iċ-ċelebrazzjoni kienet immexxija minn Mons. George Frendo OP, flimkien ma’ diversi saċerdoti oħra, fosthom il-Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-Djakonija Mons. Martin Micallef u Fr. Hilary Tagliaferro. Il-messaġġ ċentrali tal-quddiesa kien wieħed ta’ gratitudni u apprezzament lejn l-anzjani tagħna.
Fl-omelija tiegħu, Monsinjur Frendo fakkar kif dan il-jum għandu jkun xhieda ta’ gratitudni lejn il-ħajja u lejn il-kontribut tal-anzjani: “Din iċ-ċelebrazzjoni tfakkarna kemm għandna nkunu grati lejn il-ħajja u kif ukoll lejn l-anzjani għal dak li aħna u dak li nagħmlu.” Temm jgħid l-Isqof Frendo.
Fid-diskors tiegħu, Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, ikkonferma dan il-messaġġ ta’ rikonoxximent u gratitudni. Huwa rringrazzja lil kull anzjan u anzjana li attendew, kif ukoll lil dawk kollha li għamlu din l-attività possibbli, fosthom lill-Kappillan Fr Mark Andrè Camilleri, is-Sindku, Jason Silvio tas-sapport kontinwu, lill-Kor tal-Parroċċa ta’ Bormla li animaw il-quddies, lis-St John Ambulance, LESA u l- Community Police għall-preżenza u l-għajnuna tagħhom, l-istaff u l-voluntiera kollha ta’ Caritas b’mod speċjali lir-residenti mill-komunitajiet ta’ riabilitazzjoni ta’ Caritas li b’imħabba u impenn assistew lill-anzjani waqt din l-attività.
L-attività ġiet fi tmiemha bi tqassim ta’ talba fuq bookmark u snack ħajr lil James Caterers.
Kumment ta’ xi ħadd mill-anzjani: “Mnalla tkun din l-attività, għax fiha niltaqa’ ma’ sħabi li nkun ilni sena ma nara.”
F’din l-okkażjoni Caritas tiċċelebra wkoll il-ħidma tagħha favur l-anzjani li ssir matul is-sena kollha. Dan permezz tal-appoġġ li Caritas tagħti lil numru ta’ Social Clubs fil-parroċċi; gruppi ta’ sapport għal persuni anzjani li huma romol u separati; l-istudju Ageing Matters; u l-appoġġ individwali għal persuni li jinsabu weħidhom. Dawn is-servizzi jiġu offruti bla ħlas mill-istaff u voluntiera ta’ Caritas. Fost il-voluntiera huma bosta li huma anzjani li jibqgħu jagħtu sehem attiv u importanti ħafna għall-ħidma ta’ Caritas.
Caritas Malta tkompli tħaddan u tippromwovi rispett, mħabba u solidarjetà lejn l-anzjani tagħna – għax tassew, Inħobbuhom.
//= $special ?>