Ambjent Lokali

Disa’ għaqdiet ambjentali jappoġjaw il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista favur l-ambjent

Ramblers’ Association of Malta, Flimkien Ghal Ambjent Ahjar, Din l-Art Helwa, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Birdlife Malta, Nature Trust Malta, Wirt Ghawdex u Ghawdix.

Dawn huma l-għaqdiet li ħarġu favur il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonlista, biex l-ambjent isir dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija dawn l-għaqdiet spjegaw li din il-mozzjoni tagħti d-dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli bħala dritt kostituzzjonali għal kull persuna li tgħix f’Malta.

Huma komplew jgħidu li l-art, l-ilma, l-arja u l-ekosistemi ta’ pajjiżna b’hekk ikunu protetti.

Permezz ta’ dan id-dritt, kull persuna tkun tista’ tikkontesta liġijiet li jkollhom l-intenzjoni li jeqirdu lil Malta u Għawdex għall-benefiċċju kontinwu ta’ ftit nies.

Dawn l-għaqdiet jemmnu li dan id-dritt se jgħin biex tieqaf il-ħsara li ilha ssir lill-ambjent għal dawn l-aħħar snin.

Huma talbu wkoll biex il-membri tal-Gvern jappoġġjaw dan l-Abbozz ta’ Liġi, li fl-aħħar mill-aħħar se jkun ta’ ġid għall-maġġoranza assoluta tal-poplu

L-għaqdiet temmew jgħidu li huma konvinti li dan l-abbozz jirrappreżenta opportunità storika li m’għandhiex tinħela u li tista’ tkun mument ta’ bidla għal futur aħjar għall-pajjiż tagħna.