Disa’ għaqdiet ambjentali, fosthom Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa u Moviment Graffitti ħarġu favur il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista, biex l-ambjent isir dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija dawn l-għaqdiet spjegaw li din il-mozzjoni tagħti d-dritt għal ambjent nadif b’saħħtu u sostenibbli bħala dritt kostituzzjonali għal kull persuna li tgħix f’Malta. Huma komplew jgħidu li l-art, l-ilma, l-arja u l-ekosistema ta’ pajjiżna b’hekk ikunu protetti.
Huma nnottaw ukoll kif permezz ta’ dan id-dritt, kull persuna tkun tista’ tikkontesta liġijiet li jkollhom l-intenzjoni li jeqirdu lil Malta u Għawdex.
Dawn l-għaqdiet talbu wkoll lid-deputati tal-Gvern biex jappoġġjaw dan l-Abbozz ta’ Liġi imressaq mill-PN; li fl-aħħar mill-aħħar se jkun ta’ ġid għall-maġġoranza assoluta tal-poplu.
Iżda minn naħa tagħhom il-membri tal-Gvern qed juru biċ-ċar li mhux kommessi li jappoġjaw din il-liġi – u mhux jitkellmu b’konvinzjoni favur li l-ambjent isir dritt fil-Kostituzzjoni.
Il-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela fl-ebda ħin ma qalu li se jivvutaw favur dan l-abbozz ta’ liġi importanti li se jiġi diskuss għada l-Ħamis.
//= $special ?>