Malta tinsab ta’ qabel tal-aħħar fl-UE għall-enerġija rinnovabbli; il-PN jappella għal investiment urġenti – l-enerġija li tiġġedded tista’ tkun sors ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità
Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għal investiment urġenti fl-enerġija li tiġġedded. Jekk ma jinvestix f’dan il-qasam, pajjiżna jkun qed jitlef opportunità biex jibni settur ekonomiku speċjalizzat ġdid u sostenibbli li jista’ joħloq impjiegi ta’ kwalità għolja filwaqt li jħares l-ambjent.
Pajjiżi oħra Ewropej diġà għamlu passi kbar ’il quddiem fl-enerġija li tiġġedded, filwaqt li Malta għadha lura.
Hu ta’ diżappunt, mhux biss għall-Partit Nazzjonalista imma għal kull min verament għandu għal qalbu l-ambjent, kif tul dawn is-snin kollha l-Gvern Laburista naqas kompletament li jwettaq il-wegħdiet tiegħu dwar l-enerġija li tiġġedded.
Rapport li ħareġ fil-jiem li għaddew ipoġġi lil Malta fost l-agħar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea – preċiżament ta’ qabel tal-aħħar – f’dak li hu l-użu ta’ enerġija li tiġġedded fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.
Minkejja r-retorika ripetuta tal-Gvern, u l-miri fil-Pjan Nazzjonali tiegħu għall-Enerġija u l-Klima (NECP), l-aħħar ċifri jikxfu diskrepanza ċara bejn il-kliem u l-fatti. Filwaqt li l-Gvern wiegħed li jżid is-sehem ta’ enerġija rinnovabbli ta’ Malta għal 25% sal-2030, il-pajjiż għadu fil-qiegħ tal-klassifiki tal-Unjoni Ewropea b’sehem biss ta’ 10%. Dan hu ċertifikat ta’ ineffiċjenza għall-Gvern fl-enerġija nadifa.
Matul is-snin, il-Gvern wiegħed li jisfrutta t-teknoloġiji tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx ’il barra mill-kosta u li jinvesti fi proġetti kbar ta’ enerġija. Huwa biss issa, wara ħafna snin, li beda proċess formali għal proġett ta’ offshore windfarm, u li għadu biss fl-istadju tal-offerti. Filwaqt li l-bqija tal-Ewropa qed tagħmel progress sinifikanti, Malta għadha lura b’wegħdiet li għadhom fuq il-karta u mhux f’enerġija rinnovabbli li verament tasal għand il-poplu.
Dan hu l-istess Gvern li ftit snin ilu qabel ma’ Mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista li fiha ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza fit-tibdil fil-klima. Biex jidher sabiħ, il-Gvern Laburista jgħid ħafna affarijiet, imma bil-fatti qed jonqos lill-poplu kollu fejn jidħol l-ambjent.
Jidher biċ-ċar li l-uniku pjan li għandu l-Gvern huwa li jipprova jħajjar lill-familji jinstallaw il-panelli fuq il-bejt, mingħajr ma ta rimedji għal dawk li jitilfu dan l-investiment minħabba li jispiċċaw fid-dell. Jeħtieġ li l-Gvern ikun ħafna iżjed ambizzjuż minn hekk jekk irid jittieħed bis-serjetà li għandu għal qalbu l-ambjent.
Investiment f’dan il-qasam iħalli impatt lil hinn mill-istatistika. Barra li hija enerġija aktar nadifa u tgħinna nilħqu miri fit-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli hija wkoll mezz kif niksbu aktar indipendenza u sigurtà fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, hekk kif bħalissa niddependu għalkollox fuq pajjizi oħra għal-LNG.
Huwa ċar li n-nuqqas ta’ rieda politika ħalla lil Malta lura meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa f’dan il-qasam.
Gvern ġdid Nazzjonalista jieħu azzjoni effettiva u deċiżiva billi jinvesti f’enerġija nadifa, biex jindirizza dan in-nuqqas nazzjonali u biex il-Maltin u l-Għawdxin ikun jistgħu jgħixu f’ambjent dejjem aktar nadif.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut, mix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello, u mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg.
//= $special ?>