Lokali

Il-MDA tesprimi t-tħassib tagħha għal emenda Kostituzzjonali mressqa mill-Oppożizzjoni

L-MDA sostniet li kien hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Partit Nazzjonalista, hekk kif huma stennew li jkun hemm proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha interessati. Huma sostnew li dan in-nuqqas jimmina il-kontenut u l-proċess li bih l-Oppożizzjoni ħarġet b’din l-emenda.

Fi stqarrija l-MDA qalet li dan huwa aktar il-każ meta wieħed jiġi biex jemenda l-Kostituzzjoni, li mhix intenzjonata bħala liġi li tinbidel bl-addoċċ, iżda bħala qafas ta’ gwida għal żmien fit-tul. Bil-mod ta’ kif tressqet l-emenda, l-MDA titħasseb li l-Oppozizzjoni trid li l-ippjanar ma jibqax parti mill-mandat tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, ikun taħt liema Gvern ikun, iżda ssir materja ta’ Qrati.

Dan iżid il-burokrazija u inċertezza, filwaqt li jaqta’ qalb kemm l-investitur, kif ukoll il-familji li se jibdew jiffaċċjaw spejjeż kbar u mhux mistennija ta’ Qrati, jekk jiġu anki biex jagħmlu proġetti żgħar.

L-effett dirett ta’ dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni hija żieda akbar fil-prezz tal-proprjeta artfiċjalment li se żżid il-piż fuq iż-żgħażagħ. Ghalhekk, l-MDA tħeġġeġ lill-Oppożizzjoni biex timxi mal-kritika tagħha stess tal-Gvern, tirtira dan l-abbozz, tagħmel studju tal-impatt tiegħu, u timbarka fuq proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa.