Internazzjonali

Il-Polonja: Arrest relatat mal-attakki fuq il-pipelines ta’ Nord Stream

Il-Pulizija fil-Polonja qed iżommu raġel Ukren suspettat dwar sehem fis-sensiela ta’ splużjonijiet li kaġunaw il-ħsarat sostanzjali fil-piplines ta’ Nord Stream għaċ-ċirkulazzjoni tal-gass, taħt il-Baħar Baltiku.

Ir-raġel – bugħaddas espert identifikat bħala  Volodymyr Z – inżamm fuq mandat ta’ arrest Ewropew wara li nqabad fl-inħawi qrib ta’ Varsavja.

L-azzjonijiet li hu suspettat dwarhom dan ir-raġel ħallew impatt sinifikanti, ftit xhur biss wara li l-qawwiet tar-Russja kienu invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022. Dan għaliex sfrundaw partijiet ta’ dawk il-pipelines kruċjali bl-effett tal-isplussivi.

L-azzjonijiet ilhom b’element ta’ misteru, bl-Ukrajna tiċħad għal involviment u bl-akbar suspetti jaqgħu fuq ir-Russja. Dan waqt li l-Gvern f’Moska waħħal fl-Istati Uniti u r-Renju dwar ‘l-attakki fuq il-pipelines’.

L-isplużjonijiet kienu eliminaw sors ewlieni ta’ gass naturali għall-Ewropa fi żmien meta l-Mexxejja fl-Ewropa kienu qed jiffaċċjaw kriżi tal-enerġija dovuta għall-invażjoni tal-Ukrajna mit-trupi ta’ Vladimir Putin. Dan minkejja li r-Russja kienet sospendiet iċ-ċirkulazzjoni tal-gass mill-pipelines ta’ Nord Stream One — waqt li Nord Stream Two fl-ebda żmien ma beda jiffunzjona.

Il-prosekuturi fil-Ġermanja, sena ilu, kienu l-ewwel li ħarġu l-mandat ta’ arrest bħala parti mill-investigazzjonjiet. Dan meta mifhum li l-arrestat għamel żmien jgħix fi Pruszkow, lejn il-lbiċ tal-kapitali Pollakka  u meta hu anki għamel żmien jiżgiċċa lill-awtoritajiet.

Filwaqt li raġel Ukren ieħor kien spiċċa arrestat fl-Italja b’konnessjoni mal-każ tal-pipelines, il-Prosekuturi Ġermaniżi, fl-aħħar sigħat, tennew li s-suspettat f’idejn il-Pulizija Pollakki kien ‘membru ta’ grupp ta’ individwi li qiegħdu t-tagħmir splussiv mal-pipelines ta’ Nord Stream, bil-konsegwenza tal-isplużjonijiet li seħħew f’Settembru tal-2022.’