Sport

Il-Yachting Malta Race Week tenfasizza d-Diversità tal-Ibburdjar f’Malta

Ir-Royal Malta Yacht Club ospitat b’suċċess il-Yachting Malta Race Week, programm mimli b’attivitajiet diversi tal-ibburdjar li ġab flimkien tlielaq offshore, madwar il-kosta, dinghies u bburdjar għan-nisa.

Il-programm kien jinkludi firxa ta’ attivitajiet, fosthom tellieqa offshore lejn Licata, Sqallija,  tlielaq madwar il-kosta u round-the-cans, kif ukoll Dinghy Ranking Regatta. Barra minn hekk, ir-Royal Malta Yacht Club ingħaqad mal-Vikings Sailing Club biex jospita Steering the Course, inizjattiva ta’ World Sailing li għandha l-għan li tinkoraġġixxi aktar parteċipazzjoni femminili f’dan l-isport.

Tellieqa ta’ Licata

L-isfida offshore kienet opportunità ta’ taħriġ ideali għall-ekwipaġġi li qed jippreparaw għar-Rolex Middle Sea Race li ser tibda nhar it-18 ta’ Ottubru. Ton Ton Laferla Insurance ta’ Jonathan Gambin rebaħ b’mod deċiżiv. Fil-Klassi tal-Cruisers, ir-rebħa kienet miksuba mingħand Stella R ta’ Steve Carter.

Cruisers’ Coastal Race

Matul il-weekend saru żewġ tlielaq qosra madwar il-kosta tal-lvant ta’ Malta. Inspiration ta’ Godwin Zammit iddominat il-kompetizzjoni, meta rebħet kull tellieqa u b’hekk ir-rebħa overall.

Klassi SB20

Il-flotta SB20 tat wirja ta’ tlielaq kompetittivi. Matthew Scicluna flimkien ma’ Lee Gauci u Fabio Galea – li wkoll qed jippreparaw għar-Rolex Middle Sea Race – ħarġu rebbieħa wara dwell intensiv mal-ekwipaġġ ta’ Duncan Camilleri, b’riżultat deċiż fl-aħħar jum. It-tielet post mar għand Jan Rossi u t-tim tiegħu.

Steering the Course

Bħala parti mill-Yachting Malta Race Week, l-avveniment Steering the Course poġġa lin-nisa fuq quddiem tal-isport, kemm fuq il-baħar kif ukoll fil-ġestjoni tat-tlielaq. Il-parteċipanti kienu maqsuma fiż-żewġ diviżjonijiet — Skippers għall-dawk b’aktar esperjenza u Crew għal dawk ta’ inqas esperjenza.

  • Fid-Diviżjoni Skippers, it-tielet post mar għand Sonja Stellini, it-tieni għand Renata Fernandez Favaron, u l-ewwel post għand Veronika Basalkina.
  • Fid-Diviżjoni Crew, it-tielet post ingħata  lil Francesca Borg u Sara Femenia Ribes, it-tieni post lil Seda Shahmuradyan, u l-ewwel post lil Kimberly Engels.

It-trofej ġew ippreżentati  minn Sandra Agius Darmanin, Commodore tal-Vikings Sailing Club, li mmexxiet ukoll it-tim tal-ġestjoni tat-tlielaq, appoġġjata minn Michelle Caruana u Tamara Pavlovic.

Dinghy Ranking Regatta

L-aktar avveniment l-iktar ikkontestat tal-ġimgħa kien id-Dinghy Ranking Regatta, li ġibdet parteċipazzjoni b’saħħitha mill-klabbs lokali kollha. Ir-Regatta kienet mifruxa fuq jumejn, saru sitt tlielaq f’kundizzjonijiet differenti — nhar is-Sibt, il-baħħara kellhom jaffaċċjaw grigal ta’ 13–15 mil nawtiku fis-siegħa b’baħar imqalleb, filwaqt li l-Ħadd ġab riħ mix-xlokk ta’ 5–8 mil nawtiku fis-siegħa, b’imbatt moderat. Dawn il-kundizzjonijiet varjati sfidaw il-ħila u l-adattabbiltà, u taw jumejn ta’ tlielaq eċċitanti.

Il-Yachting Malta Race Week intemm b’ċerimonja ta’għoti ta’ premijiet fil-Royal Malta Yacht Club, preseduta minn Mark Napier, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club, u Michael Mifsud, CEO ta’ Yachting Malta.

Il-Yachting Malta Race Week saret taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing Federation.