Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, illiberat lil Paul Coleiro ta’ 68 sena, li kien akkużat li fis-7 ta’ April 2021 f’Marsaskala weġġa’ gravi lil George Bugeja u li hedddu bi kliem offensiv. Huwa ġie illiberat mill-akkuża ta’ feriti gravi minħabba li kien qed jiddefendi lilu nnifsu imma nstab ħati ta’ theddid u reċidiva.
L-inċident seħħ waqt argument dwar xogħlijiet ta’ plumbing li Coleiro kien qed jagħmel f’appartament ta’ Francis u Christine Aquilina, li kienu preżenti flimkien ma’ George Bugeja, missier Christine. Skont ix-xhieda, il-ġlied beda meta Coleiro, irrabjat għax ma kienx se jitħallas, indirizza lil Bugeja b’kelma dispreġġjattiva u nduna li dan kien qiegħed jirrimarka fuq ix-xogħol tiegħu.
Minn hemm qam argument fiżiku li wassal biex Bugeja waqa’ ġo banju li kien għadu mhux imwaħħal u spiċċa b’ferita gravi fuq għajnejh ix-xellugija, ferita li rrikjediet punti u ħalliet marka viżibbli. Il-Qorti qalet li l-verżjonijiet tal-partijiet kienu kontradittorji. Bugeja sostna li Coleiro għalxejn imbuttah fil-banju u tah daqqiet ta’ ponn.
Min-naħa tiegħu, Coleiro ammetta li ta żewġ daqqiet ta’ ponn iżda sostna li għamel dan biss wara li Bugeja qabdu minn għonqu u ressqu mal-ħajt. Din il-verżjoni sabet appoġġ fix-xhieda ta’ Francis u Christine Aquilina, li raw lil Bugeja jersaq lejn Coleiro u mbagħad jaħbat għalih.
Il-Qorti rrimarkat li kienet iktar probabbli l-verżjoni ta’ Coleiro, li kkonferma mingħajr tlaqliq li hu kien insulenta lil Bugeja iżda reġa’ aġixxa biss biex jiddefendi lilu nnifsu meta ħassu mhedded. Wara li eżaminat il-provi u l-ġurisprudenza relatata, il-Qorti qieset li l-ewwel akkuża ta’ ferita gravi kienet koperta mill-iskriminanti tal-leġittima difiża, billi Coleiro aġixxa taħt intimidazzjoni immedjata biex jeħles minn periklu.
Għaldaqstant ġie liberat minn din l-imputazzjoni. Madankollu, il-Qorti sabitu ħati ta’ theddid u ta’ reċidiva, u kkundannatu multa ta’ €58. Barra minn hekk, ordnat li jitpoġġa taħt ordni ta’ trażżin għal sentejn favur George Bugeja. B’hekk, filwaqt li l-Qorti rrikonoxxiet li kien hemm att ta’ vjolenza, għarfet ukoll li l-imputat kellu d-dritt jiddefendi lilu nnifsu quddiem att ta’ provokazzjoni u aggressjoni immedjata.
//= $special ?>