Illum, 1 ta’ Ottubru, pajjiżna jingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex ifakkar il-Jum Dinji għall-Anzjani. Jum li, ta’ kull sena, ifakkarna fil-kontribut li l-anzjani jagħtu lis-soċjetà bl-enerġija, id-dedikazzjoni u t-tama li jġibu fid-dinja.
F’pajjiżna, l-anzjani jagħmlu parti dejjem akbar mill-popolazzjoni u jikkontribwixxu anke b’impjiegi full-time u part-time, xogħol volontarju, kif ukoll ħidma fil-familji.
Fi stqarrija Joe Zahra l-President, Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) u Paula Mifsud Bonnici l-Assistent Whip u Shadow Minister għall-Anzjanità Attivaspjegaw kif l-anzjani għandhom ukoll sfidi. Sfidi marbutin mal-anzjanità. Sfidi ta’ saħħa, appoġġ, finanzi, abbuz u solitudni, li qed jiżdiedu aktar ma tiżdied l-età medja ta’ kemm qed jgħixu n-nies.
Dan jitlob li jkun hemm servizzi għall-kura fit-tul u appoġġ għal dawk li qed jiġu abbuzati u dawk li mhumiex kapaċi jwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. Servizzi li fl-imgħoddi ddaħħlu minn Gvernijiet Nazzjonalisti, iżda li nafu li mhumiex biżżejjed għaż-żminijiet tal-lum. Għandna bżonn qafas ta’ liġijet li jipproteġu lill-anzjani u persuni vulnerabbli minn kull tip ta’ abbuz.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-anzjani jixirqilhom jgħixu aħjar. Jixirqilhom li jkollhom kura aħjar, postijiet aħjar fejn jgħixu u mezzi biex ikollhom kumpanija – sew matul il-jum, kif ukoll f’night sheltersfilgħaxija.
Jemmen ukoll li fil-krizi demografika li qed taffettwa lid-dinja, l-anzjani għadhom jistgħu jagħtu sehemhom. Studju riċenti sab li ħaddiema anzjani u akbar fl-età qed isiru iktar produttivi u għandhom abbiltajiet konjittivi tajbin. Fil-fatt, dan l-istudju ta’ The Economist wera li bħala medja persuna ta’ 70 sena fl-2022 kellha l-istess abbilitajiet mentali li jippermettu li individwu jipproċessa informazzjoni u jwieġeb b’mod effettiv daqs persuna ta’ 53 sena fis-sena 2000.
Għaldaqstant, huwa fl-interess ta’ kulħadd li nkomplu nħeggu lil dawk l-anzjani li jifilħu u jixtiequ jibqgħu jaħdmu biex jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lis-socjetà, anke fil-qasam tal-volontarjat.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien ħoloq u tejjeb is-servizzi li jingħataw lill-anzjani, fosthom bil-bini tad-djar tal-anzjani u kompla jżid il-pensjonijiet, fosthom biż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk, tejjeb il-livell tal-għajxien tal-anzjani anke billi daħħal il-kunċett li anzjan jista’ jibqa’ jaħdem mingħajr ma jitlef xejn mill-pensjoni.
Gvern ġdid Nazzjonalista, immexxi minn Alex Borg, jara li jkompli jibni fuq it-tajjeb kollu li twettaq tul is-snin biex, minbarra li joħroġ il-31,000 anzjan li hemm fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali mis-sitwazzjoni li jinsabu fiha, jiggarantilhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Fil-jum iddedikat għalihom, il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-anzjani għal dak kollu li wettqu biex pajjiżna hu dak li hu llum, filwaqt li jwegħedhom li jkompli jaħdem biex ikunu jistħgu għixu l-anzjanità tagħhom b’dinjità u indipendenza, filwaqt li jħossuhom parti mill-komunità tagħhom.
//= $special ?>