Internazzjonali

Is-Summit tad-Difiża fid-Danimarka: L-Ewropa, illum, qed tiffaċċja periklu akbar miż-żmenijiet tal-Gwerra Bierda

Il-Prim Ministru tad-Danimarka, Mette Frederiksen, wissiet li l-Ewropa, illum, għaddejja minn żmien ta’ periklu akbar milli kien jeżisti waqt il-Gwerra Bierda tas-seklu l-ieħor….Dan meta l-aġir dejjem aktar aggressiv u imprevedibbli tar-Russja qed iżid l-inkwiet tal-Istati Ewropej  — speċjalment il-Polonja u l-pajjiżi Baltiċi – u meta l-Kremlin anki jista’ qed jaħseb fil-kampanji militari ġodda li jmorru ‘il hinn sew mill-Ukrajna

Intant, id-Danimarka, fil-preżent, qed tospita għexieren ta’ Mexxejja mill-Ewropa fost l-evalwazzjonijiet ta’ inizjattivi ġodda ta’ difiża, fosthom hekk-imsejjaħ ‘drone wall’.

Dan meta d-Danimarka u diversi pajjiżi Ewropej, fl-aħħar jiem, irreaġew għall-preżenza ta’ drones suspettużi fuq is-siti sensittivi tagħhom….Drones li x’aktarx kienu tar-Russja u li jistgħu kienu parti mill-pjan tal-Kremlin biex jevalwa s-saħħa u l-effiċjenzi tad-difiżi fl-Ewropa.

L-impenji tal-pajjiżi biex iżidu l-appoġġ lill-Ukrajna fil-gwerra tagħha mar-Russja, fl-istess ħin, qed jingħataw priorità fl-aġenda tal-laqgħat fid-Danimarka.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Frederiksen wissiet biex in-NATO iżżid il-livell ta’ reazzjoni għall-gwerra ‘hybrid’ li qed tmexxi r-Russja u li tista’ tkun biss il-preludju għal offensiva militari diretta fuq xi pajjiż Ewropew….Dan ukoll meta l-aġir ta’ Moska qed ikun intiż biex jifred lill-Ewropa.

Intant, il-programm għas-27 Mexxejja tal-Unjoni Ewropea jinkludi summit informali għall-Kunsill Ewropew f’Kopenhagen , flimkien ma’ laqgħa għall-Komunità Politika Ewropea, bil-preżenza ta’ 40 Kapijiet ta’ Stat minn madwar l-Ewropa…Impeni li qed ikomplu anki l-Ħamis.

L-awtoritajiet Daniżi, fl-aħħar sigħat, waqqfu t-titjriet kollha ċivili bid-drones biex jiffaċilitaw is-sigurtà u wara li l-ajruporti fid-Danimarka kellhom jagħlqu, jiem ilu, wara li ntlemħu d-drones ‘misterjużi’ għaddejjn minn fuq diversi bażijiet militari.

Il-Mexxejja f’Kopenhagen, fl-istess ħin, mistennija jiddiskutu l-aħjar mezzi ta’ difiża għall-Istati Eweropej tal-Lvant  flimkien mal-mezzi li ‘jaċċelleraw’ it-tisħiħ tad-difiżi tal-Unjoni Ewropea .

Qabel il-laqgħa ta’ Kopenhagen, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument – imsejjaħ Scoping Paper – li fost oħrajn ifassal erba’ proġetti ewlenin li (il-Kummissjoni) temmen li għandhom ikunu finanzjati u implimentati b’urġenza, fid-dawl tal-aħħar żviluppi.

Il-proġetti jinkludu l-imsemmi drone wall bħala difiża soda kontra xi attakki minn dawn l-inġenji; sistema ta’ difiża (Shield) għal kontra l-attakki mill-ajruplani militari; sistemi ta’ moniteraġġ aktar sofistikati għar-reġjuni Ewropej tal-Lvant u t-twaqqif ta’ Tarka, magħrufa bħala Defence Space Shield, li tirreżisti l-impatt tal-armamenti tal-‘ġenerazzjoni l-ġdida’.