Lokali

Jibdew ix-xogħlijiet fil-villa tar-Reġina Eliżabetta fi Gwardamanġa

Ingħata bidu għax-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni, restawr u konservazzjoni f’Villa Guardamangia, fejn il-Prinċipessa Eliżabetta, li wara saret ir-Reġina Eliżabetta II, u l-Prinċep Filippu, għexu għal perjodi bejn l-1949 u l-1951.

Il-proġett ta’ Villa Guardamangia mistenni jieħu madwar tliet snin biex jitlesta u hu stmat li se jiswa ftit iżjed minn €12-il miljun, li aktar minn €10 miljun minnhom se jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Villa Guardamangia tikkonsisti fi 18-il kamra, stalel, xelter taħt l-art u ġnien kbir. Ix-xogħlijiet se jikkonsistu f’restawr kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra tal-villa u se jinkludu l-installazzjonijiet meħtieġa biex il-binja tiffunzjona b’mod li jkun sostenibbli mil-lat ta’ ħarsien tal-ambjent.

L-esperjenza ta’ Villa Guardamangia meta jitlesta r-restawr se tiffoka fuq l-aspett uman u s-sens ta’ normalità li l-koppja rjali gawdiet b’għożża tul il-perjodi li qattgħet fil-villa. Se jerġa’ jinħoloq l-ambjent tal-villa kif kien fis-snin 50, biex tkun tista’ tiġi offruta lill-viżitatur esperjenza ta’ dar storika tal-perjodu. Wirja żgħira u dokumentarju se jgħinu lill-pubbliku jifhem ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-familja rjali tul is-sekli, kif ukoll il-kuntest storiku kolonjali li fih il-koppja rjali ġiet Malta f’nofs is-seklu 20.