Lokali Qorti

Konfiska ta’ parti mill-garanzija tal-pleġġ wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, ordnat nofs il-konfiska tal-garanzija li kien ingħata għall-pleġġ fil-konfront ta’ Carlos Falzon, ta’ 38 sena, residenti ż-Żejtun, wara li ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li huwa reċidiv.

Huwa ammetta ksur ta’ digriet mogħti mill-Qorti fl-29 ta’ Ottubru 2024, preseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, li kien qiegħdu taħt kundizzjonijiet speċifiċi bħala parti mill-ħelsien proviżorju tiegħu. Il-Qorti sabet li l-akkużat naqas milli jħares dawn il-kundizzjonijiet, fosthom li jirrapporta l-Għassa taż-Żejtun u jiffirma.

Barra minn hekk, huwa ġie akkużat bħala reċidiv fuq il-bażi ta’ sentenza preċedenti mogħtija kontra tiegħu fl-2021. Fil-kors tal-proċeduri, irriżulta li Falzon rreġistra ammissjoni inkondizzjonata ta’ ħtija fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2025 u reġa’ kkonferma din l-ammissjoni anke wara li ngħata żmien biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu u jikkunsidra l-konsegwenzi.

Il-Qorti rrimarkat li l-imputat mhux biss ammetta mill-ewwel iżda anke kkopera mal-Pulizija, tant li ammetta wkoll l-istess fil-kjarifika tiegħu. Minkejja dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti osservat li l-imputat għandu storja kriminali u diversi sentenzi ta’ priġunerija, u li kellu anke jingħata opportunitajiet oħra sabiex jirriforma, iżda minn dak li jidher dawn ma wassluhx għal bidla.

Barra minn hekk, il-Qorti qieset li kien diġà taħt Ordni ta’ Trattament. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti qieset li piena ta’ priġunerija effettiva ma kinitx idonea f’dan il-każ.

B’hekk, il-Qorti sabet lil Carlos Falzon ħati tal-akkużi kontrih u ordnat il-konfiska ta’ nofs il-garanzija li kienet saret favur tiegħu mit-terz garanti, Dylan Falzon, jiġifieri l-ammont ta’ €1,000. Il-Qorti spjegat lill-imputat b’mod ċar il-portata tas-sentenza u l-obbligi tiegħu, kif ukoll il-konsegwenzi jekk ma jonorahomx.

Kopja tas-sentenza ġiet ordnata tingħata immedjatament lill-partijiet u titpoġġa fuq is-sistema diġitali tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.