Lokali

“Kunu tarka kontra l-korruzzjoni u favur il-fqir” – L-Arċisqof Scicluna

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Il-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq”.

Hekk stqarr l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ tas-sena Forensi, li tirrappreżenta l-ftuħ tal-qrati għal din is-sena. Fejn saret quddiesa bħala talba lill-Mulej għal dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam, sabiex l-għatx għas-sewwa – kif tenna l-Arċisqof – ma jaqta’ qatt.

L-Erbgħa filgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Arċisqof ħeġġeġ lill-ġudikatura sabiex ikomplu jkunu t-tarka tal-fqir.

L-Arċisqof saħaq fuq l-importanza li jkun hemm żwieġ bejn l-eżiġenzi tal-ġustizzja, u l-ħniena. U din hi x-xewqa ta’ Monsinjur Scicluna għall-bidu tas-sena forensi.

Il-ġustizzja għandha l-eżiġenza li kulħadd jieħu dak li ħaqqu u l-ġudikatur meta jiġġudika m’għandu qatt iħares lejn uċuħ.

U biex il-ġudikant jasal għal dan ir-riżulat, irid jimxi skont ix-xjenza li dejjem taġġorna lila nnifsha u dejjem skont il-kuxjenza.

L-awgurju tal-Arċisqof f’dan il-jum kien li l-kuxjenza tal-ġudikatura tkun waħda mistrieħa; li twassal għal serħan il-moħħ u paċi tal-qalb.

Apparti minn hekk, hu rrimarka kif il-paċi tal-ġudikatura tkun serħan għall-istat.

Intant, l-Arċisqof irringrazzja lill-imħallfin u l-maġistrati talli jħarsu lejn l-element uman, mhux biss tal-akkużat imma anke tal-vittma.

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni fil-Konkatidral kien hemm imħallfin, maġistrati u avukati kif ukoll persuni distinti oħrajn fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio.