Internazzjonali

L-Istati Uniti: Gvern fi kriżi….bir-Repubblikani u d-Demokratiċi jwaħħlu f’xulxin dwar ix-‘shutdown’

Ir-Repubblikani li qed imexxu lill-Istati Uniti u d-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni spiċċaw fi gwerra bil-kliem dwar il-paraliżi li laqat il-Gvern fl-aħħar sigħat….Sitwazzjoni magħrufa bħala ‘shutdown’ u li rriżultat miċ-ċirkustanzi fejn is-senaturi f’Washington ma qablux dwar abbozz tal-aħħar minuta biex jippermetti għall-finanzjament tal-ħidma tal-Istat.

Filwaqt li l-President Amerikan, Donald Trump, qed jikkundanna lid-Demokratiċi dwar ‘politika intransiġenti u rresponsbbli’, l-akbar impatt qed iħossuh l-eluf tal-ħaddiema federali li qegħdin jiffaċċjaw perjodu ta’ żmien mingħajr ħlas u li kapaċi jkompli għat-tul taż-żmien.

L-allarm fost il-poplu kompla jikber meta l-President Trump, fiċ-ċirkustanzi, beda jhedded ukoll dwar ammont sinifikanti ta’ sensji li, fi kliemu, kellhom ikunu ‘irriversibbli’.

Intant, numru ta’ ħaddiema meqjusa bħala essenzjali se jkomplu bix-xogħol tagħhom, għalkemm ħafna minnhom, għalissa, se jkunu qed jaqdu dmirijiethom mingħajr ħlas. Mill-banda l-oħra, xi aġenziji federali qed jordnaw biex l-istaff tagħhom jieħdu l-leave temporanju – bir-rapporti jgħidu li l-politiċi fil-Kungress ta’ Washington se jibqgħu jitħallsu xorta waħda.

Il-kritiċi tal-Gvern Amerikan qalu li din il-kriżi hi proprja ‘riflessjoni tal-Presidenza ta’ Donald Trump’; bil-Kabinett Amerikan iwieġeb bl-akkużi fir-rigward tad-Demokratiċi anki waqt li eluf kbar ta’ Amerikani komplew iħossu  l-impatt tax-shutdown.

Id-Demokratiku, Chuck Schumer, li hu l-Minority Leader fis-Senat Amerikan qal li r-Repubblikani ta’ Trump mhumiex se jintimidaw lill-kollegi tiegħu f’din is-sitwazzjoni. Hu anki akkuża lir-Repubblikani b’li ma għamlu xejn biex jipproteġu lis-servizzi tas-saħħa tal-Amerikani.

Dan wara li l-Viċi-President Amerikan, JD Vance, informa lil Fox News li d-Demokratiċi qed iżommu lill-Gvern bħala ‘ostaġġ’ rigward l-ispiża fil-qasam tas-saħħa li wkoll spiċċat affettwata mill-paraliżi.

Vance qal ukoll li jrid li l-Gvern ikompli bil-funzjoni tiegħu qabel ir-Repubblikani jistgħu ‘ipoġġu madwar il-mejda’ mad-Demokratiċi. Iżda Chuck Schumer qed isostni li r-Repubblikani ħallew sal-aħħar nett biex jirrisolvu l-kwistjoni u meta huma kellhom minn Marzu biex jindirizzaw l-issue.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat, żdiedet il-pressjoni biex id-deputati f’Washington isolvu l-kriżi fil-qasam tas-saħħa bħala l-aktar issue serja li qed taffettwa lill-Amerikani fil-preżent.