Fl-okkażjoni tas-sena Forensi 2025/26, il-President tal-Kamra tal-Avukati, Dr Peter Fenech filwaqt li tenna li ma dehrux ir-riżultati mixtieqa fil-qasam legali minkejja li ħarġu diversi ideat mill-istess Kamra. Fil-bidu tad-diskors tiegħu qal li din hija okkażjoni importanti li ġġib flimkien lill-professjonisti u lill-istituzzjonijiet fis-sistema ġudizzjarja Maltija.
Huwa sellem il-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom matul din is-sena, fosthom il-kollega Avukat Martin Fenech, li għadu kemm ħalla din id-dinja. Dr. Fenech sostna li s-sena li għaddiet fil-qasam legali ma kinitx waħda fejn dehru r-riżultati mixtieqa, u fakkar li għad hemm diversi sfidi serji li jridu jiġu indirizzati.
Huwa ammetta li anke l-Kamra tal-Avukati tista’ tagħmel aktar, iżda nnota li ma tistax tibqa’ taħdem biss fuq bażi “part-time” jekk tassew trid tagħti kontribut serju. Huwa enfasizza l-problema ta’ numru kbir ta’ kawżi li qed jirkbu lill-qrati.
Waqt li rrikonoxxa li nħatru ġudikanti ġodda, spjega li din biss mhix is-soluzzjoni. Il-Kamra diġà ddiskutiet ideat għal tibdil u se tippreżenta proposti f’oqsma differenti. Bħala eżempju, Fenech semma t-Tribunal Industrijali, fejn hemm sinjali ta’ moviment, u fejn il-Kamra se tipproponi emendi effiċjenti li se jgawdi minnhom iċ-ċittadin.
Huwa fakkar ukoll li sentejn ilu l-Kamra kienet ħarġet bi pjan “Ġustizzja 2020/2030”, iżda sal-lum ma sar l-ebda progress fuq il-punti mressqa, partikolarment dwar il-bżonn ta’ spazji adegwati għall-qrati. Fenech qal li mhux aċċettabbli li avukati jispiċċaw jiġru minn binja għal oħra, u semma wkoll nuqqas ta’ dixxiplina f’xi każijiet, bħall-fatt li hemm imħallfin u maġistrati li jibdew il-kawżi tard.
Il-President tal-Kamra kien kritiku wkoll fuq in-nuqqas ta’ qafas leġiżlattiv dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u wissa li d-dewmien fil-leġiżlazzjoni qed iwassal għal nuqqas ta’ dixxiplina u anke abbużi, b’effetti diretti fuq iċ-ċittadin. Huwa talab lill-Ministru tal-Ġustizzja biex iċaqlaq din l-aġenda.
Rimarka oħra kienet fuq ir-reputazzjoni tal-professjoni legali. Huwa ammetta li hemm min abbuża mill-fiduċja u li dan ħalla isem ħażin fuq l-avukati, għalkemm il-maġġoranza tagħhom jaħdmu b’serjetà. Huwa sostna li hemm bżonn li jiġi ppubblikat abbozz ta’ liġi dwar il-professjoni legali.
Fir-rigward tat-tariffi tal-avukati, li ilhom aktar minn tletin sena ma jiġu riveduti, Fenech qal li dan qed joħloq problemi serji fis-sistema tal-qrati. Skontu, il-klijenti għandhom ikunu jafu minn qabel fejn qegħdin billi jkun hemm sistema ċara u aġġornata ta’ tariffi.
Tkellem ukoll fuq il-kors tal-liġi, fejn sostna li s-sitwazzjoni preżenti mhix waħda serja. Huwa nnota li xi studenti lanqas ma jattendu regolarment u xorta jiggradwaw. Insista li l-warrant għandu jingħata wara eżami serju u mhux awtomatikament. Wara diskussjonijiet mal-Università, jidher li sal-2027 il-kurrikulu tal-liġi se jkun irid jinbidel.
Fenech qal li l-qafas ġudizzjarju m’għandux jibqa’ limitat għall-bini tal-qorti, iżda għandu jkun prattiku u serju, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali. Huwa saħaq fuq il-bżonn ta’ taħriġ kontinwu, u ħabbar seminar bl-involviment ta’ Imħallef mill-Ingilterra u avukati barranin.
Dwar il-ġudikatura, Fenech ma naqasx milli jfaħħar ix-xogħol li sar taħt il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, li issa wasal biex itemm il-kariga tiegħu. Huwa qal li jittama li dan ix-xogħol jibqa’ għaddej ukoll taħt is-suċċessur tiegħu, b’enfasi fuq id-dixxiplina. Il-Kamra se tipproponi wkoll li jkun hemm proċedura uffiċjali biex ilmenti fuq il-ġudikanti jiġu indirizzati.
Fl-aħħar, Fenech tenna li l-kawżi fil-qrati jirriflettu l-inkwiet taċ-ċittadin u għalhekk is-sistema ġudizzjarja għandha tagħti ġustizzja vera u fil-ħin. Huwa fakkar ukoll fil-ħtieġa ta’ diġitalizzazzjoni aktar effettiva, u qal li l-Kamra trid tkun dejjem infurmata dwar kwalunkwe progress f’dan il-qasam.