Lokali Qorti

Mhux ħatja li sawtu mara u kkaġunawlha ġrieħi ħfief

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Mandy Giordmania ta’ 48 sena u lil missierha Carmelo Giordmania ta’ 68 sena, it-tnejn residenti San Ġwann, li kienu qed jiffaċċjaw erba’ akkużi relatati ma’ ġlieda allegata ma’ Michela-Angele Cardona fis-17 ta’ Marzu 2023, fi Triq Leli Falzon, in-Naxxar.

L-imputati kienet akkużati li sawtu lil Michela-Angele Cardona u kkawżawlha ġrieħi ħfief skont iċ-ċertifikat mediku ta’ Dr Stefan Camilleri, li għamlu ħsara fuq il-karozza tagħha b’valur ta’ bejn €250 u €2,500, li kkawżawlha biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontra tagħha jew kontra l-proprjetà tagħha, u li insulentaha jew heddewha b’mod mhux previst.

Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni kienet talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Ix-xhieda ppreżentati kienu kontradittorji. Carmelo Giordmania, missier l-imputata, qal li waqt li kienu fit-traffiku, il-karozza ta’ Cardona kienet qed tagħmel ħsejjes bħallikieku kellha problema, u meta niżel biex jgħidilha biex issuq, din tagħtu daqqa f’għajnejh.

Huwa sostna li Cardona attakkat l-ewwel u li mbagħad bdiet marret għal ibnu. Min-naħa tagħha, Michela-Angele Cardona rrakkontat verżjoni kompletament differenti: hija qalet li kienet qed issuq fit-traffiku meta Carmelo Giordmania beda jagħti daqqiet fuq il-karozza tagħha, li għaldaqstant niżlet biex tikkonfrontah.

Cardona insistiet li ġiet imsakkra bejn il-karozza u l-bieba, fejn ingħatat diversi daqqiet fuq wiċċha u fuq ġenbha minn Carmelo, waqt li Mandy Giordmania, li niżlet ukoll, allegatament bdiet tiġbidilha xagħarha u anki kissritlha n-nuċċali. Cardona pproduċiet ukoll ritratti ta’ feriti u tbenġil bħala prova, kif ukoll ċertifikat mediku li kkonferma l-ġrieħi tagħha.

Ix-xhud indipendenti Anthony Cassar, li kien qed isuq kowċ bi tfal tal-iskola ftit metri ’l bogħod mill-inċident, qal li ra lil Carmelo Giordmania jagħti daqqiet lil Cardona u mbagħad ra lil Mandy Giordmania tinżel u tibda tiġbidilha xagħarha.

Madankollu, meta ġie mistoqsi b’mod preċiż min fetaħ il-bieb tal-karozza ta’ Cardona jew kif eżatt bdiet il-ġlieda, ma setax jagħti risposta ċara. Huwa lanqas ma osserva b’mod preċiż jekk Cardona kinitx qed tirreżisti jew tipparteċipa fil-ġlieda. Din in-nuqqas ta’ ċertezza mir-rakkont tiegħu qajmet aktar dubji dwar ix-xenarju preċiż ta’ dak li ġara.

Il-Qorti rrimarkat li fil-liġi kriminali, sabiex persuna tinstab ħatja, il-prosekuzzjoni trid tipprova l-akkużi barra minn kull dubju raġonevoli. F’dan il-każ, il-kontradizzjonijiet sostanzjali bejn ix-xhieda ta’ Cardona, il-familja Giordmania u x-xhud indipendenti ma tawx stampa ċara u konsistenti. Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-livell ta’ prova meħtieġ ma ntlaħaqx.

B’riżultat ta’ dan kollu, il-Qorti ddeċidiet li ssib lil Mandy Giordmania u missierha mhux ħatja ta’ kull akkuża miġjubin kontrihom u illiberathom minn kull ħtija u piena. L-ordni ta’ protezzjoni mitluba mill-prosekuzzjoni ma ngħatatx, peress li ma kienx hemm bażi legali biżżejjed biex tiġi imposta.