Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ċaħdet rikors ippreżentat minn Horace Fenech ta’ 49 sena, residenti s-Siġġiewi – fejn talab li l-akkużi kontrih jiġu riferuti mill-Qorti Kriminali għall-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali.
Fenech kien akkużat b’pussess aggravat ta’ droga eroina wara li nstabet kwantità sostanzjali ta’ sustanza moħbija f’kennel’ tal-klieb fil-post fejn kien jgħix. Fenech insista li kien vittma ta’ żball u li l-involviment tiegħu fid-droga kien limitat għal konsum personali ta’ ammont żgħir ta’ cannabis, li fil-fatt instab fuqu flimkien ma’ ‘crushers’.
Huwa ċaħad kull rabta mal-eroina li nstabet u sostna li din setgħet tpoġġiet minn oħrajn, b’mod partikolari billi semma isem ta’ Terrence Cini li kien taħt osservazzjoni mill-Pulizija. Filwaqt li ammetta li kien jgħix f’kundizzjonijiet sempliċi, saħaq li ma kienx parti minn xi ċirku tad-droga, lanqas ma kien hemm sinjali li huwa stana jew għamel qligħ minn attivitajiet illegali.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali oppona t-talba u sostna li l-ammont ta’ droga misjub kien ta’ kilo eroina b’purità għolja ta’ bejn 25% u 31%, li skont il-ġurisprudenza u l-linji gwida legali, jaqbeż bil-kbir il-limiti indikattivi għar-riferiment tal-kawża quddiem il-Qorti Inferjuri.
Barra minn hekk, intqal li d-droga kienet moħbija b’mod sofistikat taħt planki tal-injam f’’kennel’ fejn kien hemm kelb, li l-akkużat ipprova jżomm lill-Pulizija milli jiftħu bl-iskuża li l-kelb kien aggressiv. Il-prosekuzzjoni sostniet ukoll li numru ta’ pulizija identifikaw lil Fenech bħala l-persuna li niżlet mill-vettura ta’ Terrence Cini u marret fid-direzzjoni fejn instabet id-droga, li jorbot b’mod ċar lill-akkużat ma’ din l-operazzjoni.
Ix-xhieda u l-provi tekniċi ppreżentati, inkluż ir-rapport tax-xjenzat Godwin Sammut, ikkonfermaw li l-valur tal-eroina misjuba seta’ jlaħħaq bejn €60,000 u €78,000, valur li l-Qorti qieset bħala għoli ħafna meta tqis il-mod ta’ ħajja modesta tal-akkużat.
Dan wassal biex il-Qorti qieset li l-ammont u l-purità tad-droga, flimkien mal-mod kif inħbiet u r-rabta tiegħu ma’ Cini, kienu indikazzjonijiet biżżejjed li l-akkużat kellu rwol prinċipali jew sinifikattiv f’attività ta’ traffikar fuq skala kummerċjali.
Għaldaqstant, il-Qorti rrimarkat li minkejja li l-linji gwida fir-Raba’ Skeda tal-Kap. 101 huma indikattivi u mhux eżawrjenti, il-fatti tal-każ, inkluż l-ammont, il-purità, il-valur, is-sofistikazzjoni tat-tħejjija u l-kundizzjonijiet tal-arrest, jagħmlu ċar li l-akkużat għandu jitressaq quddiem il-Qorti Kriminali.
L-argumenti ta’ Fenech dwar nuqqas ta’ provi diretti jew allegat nuqqas ta’ konsistenza fix-xhieda tal-pulizija ġew miċħuda, peress li l-Qorti qieset li ma kien hemm ebda kontradizzjoni serja li xxekkel il-provi. B’hekk, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Horace Fenech u ddeċidiet li l-kawża tiegħu għandha tibqa’ tiġi ġġudikata mill-Qorti Kriminali, billi n-natura u l-gravità tar-reat allegat kienu ta’ livell li jaqbeż il-kompetenza tal-Qorti Inferjuri.
//= $special ?>