Opinjoni

OPINJONI: Fost iż-żgħażagħ… Tema li teħtieġ prijorità ħafna akbar

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

It-tema taż-żgħażagħ tissemma ħafna drabi fil-politika għaliex toqgħod sewwa għall-widna. Madankollu, mhux dejjem tingħata biżżejjed prijorità. Li kieku tingħata biżżejjed prijorità, il-Gvern jassigura li pajjiżna jiżra’ futur aħjar għal dawk li għad iridu jikbru f’dan il-pajjiż. Ħasra li nibqgħu naraw numru kbir ta’ żgħażagħ iħallu pajjiżna għaliex ma jarawx futur fih.

Alex Borg, bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista li huwa wkoll żagħżugħ, jista’ verament jibda jappella għal din il-ġenerazzjoni għaliex huwa wieħed minnhom u jista’ jifhem kif huma qegħdin iħarsu lejn Malta llum u kif jixtiquha.

F’din id-dinja globalizzata –  fejn iż-żgħażagħ qed jaffaċċjaw aktar sfidi soċjali, edukattivi u professjonali minn qatt qabel – il-preżenza tal-mexxejja politiċi viċin tagħhom hi fundamentali.

Dan speċjalment waqt attivitajiet imtellgħin esklussivament għalihom, bħal dawk li jsiru fil-Junior College, fl-Università u fl-MCAST.

Fl-aħħar jiem, jien, flimkien mal-Kap Alex Borg, żorna l-Junior College u l-Università fejn kellna merħba impressjonanti. Alex, fl-aħħar snin irnexxielu jpoġġi ruħu bħala figura qrib il-ġenerazzjoni żagħżugħa u dan qiegħed diġà jħalli l-frott.

L-attendenza tiegħu għal avvenimenti bħall-Fresher’s Week fil-Junior College, fl-Università ta’ Malta u f’istituzzjonijiet oħra ma kenitx sempliċi ġest simboliku, iżda pass strateġiku u meħtieġ biex ikompli juri impenn reali lejn iż-żgħażagħ u l-futur li huma jridu jaraw – mhux il-futur immedjat iżda anki għat-tul taż-żmien.

L-okkażjonijiet tal-Fresher’s Week iżewqu ġimgħa organizzata b’mod partikolari għall-istudenti li qed jibdew l-avventura tagħhom fl-edukazzjoni terzjarja.

L-avvenimenti ma jikkonsistux biss f’laqgħat ta’ informazzjoni jew esibizzjonijiet tal-għaqdiet studenteski iżda jipprovdu wkoll opportunità għall-introduzzjonijiet sinifikanti.

Dawn huma wkoll mumenti fejn il-kultura universitarja, l-opportunitajiet ta’ involviment soċjali u l-vuċijiet taż-żgħażagħ jingħataw aktar attenzjoni.

Hawnhekk iż-żgħażagħ jissieħbu f’hekk-imsejjaħ interaction mal-Istituzzjonijiet, il-partiti politiċi, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet oħra li jistgħu joffrulhom opportunitajiet ta’ tkabbir personali u professjonali.

Il-Partit Nazzjonalista dan minn dejjem fehmu u għalhekk minn dejjem kien preżenti għal dawn l-attivitajiet.

U din is-sena, b’wiċċu bil-quddiem, il-Partit Nazzjonalista ressaq lil Alex Borg, il-Kap żagħżugħ li jappella tajjeb ferm għad-dinja li jridu jaraw l-istudenti terzjarji… Alex Borg qiegħed, kontinwament, jibgħat il-messaġġi ċari li l-politika mhix xi ħaġa remota jew ’il bogħod, iżda xi ħaġa li tista’ tinbena permezz tad-djalogu dirett u b’involviment immedjat skont il-kuntest partikolari.

Kredibbiltà mal-ġenerazzjoni żagħżugħa

Alex Borg, sakemm ħa l-kariga ta’ Kap tal-Partit, kien magħruf bħala wieħed mill-iżgħar membri attivi fil-Parlament Malti.

Din il-karatteristika tagħtu ċerta kredibbiltà mal-ġenerazzjoni żagħżugħa, għaliex ħafna drabi n-nies iżgħar fl-età jħossu li l-politika hi dominata minn persuni b’esperjenza, iżda, kultant, ’il bogħod mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Bħala politiku żagħżugħ, Alex għandu l-vantaġġ li jista’ jifhem b’mod aktar naturali l-isfidi tal-istudenti u ż-żgħażagħ b’mod ġenerali, kemm jekk huma relatati mal-istudju, mal-finanzi, inkella mal-opportunitajiet ta’ xogħol.

Fil-fatt, matul it-tenura qasira tiegħu ta’ Kap, hu diġà indirizza diversi sfidi li jsibu ma’ wiċċhom iż-żgħażagħ, fosthom id-diffikultajiet biex huma jixtru l-proprjetà tagħhom minħabba s-salarji offruti.

Għaldaqstant, il-preżenza tiegħu fil-Fresher’s Week hi wkoll opportunità biex jsima’ direttament il-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ biex dawn isiru wkoll aspirazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista.

Meta politiku jkun viċin taż-żgħażagħ fil-mumenti kruċjali tal-ħajja u waqt l-esperjenza li jkunu għaddejjn minnhom, hu jkun qiegħed jagħtihom valur u apprezzament partikulari.

Kemm-il darba, naraw xenarji li fihom il-politiċi jinqdew biż-żgħażagħ – madankollu qed naraw li Alex huwa totalment differenti, ġenwin u naturali. Nifraħ ukoll li l-politika mhix biss limitata għat-televiżjoni jew mezzi oħrajn tal-midja, iżda qiegħda ssir esperjenza ta’ interazzjoni diretta.

Dan hu partikolarment importanti f’pajjiż żgħir bħal Malta, fejn l-aċċess bejn iċ-ċittadini u l-politiċi hu aktar immedjat.

Madankollu, dan l-aċċess għandu jkun sostnut b’viżibbilità u impenn kontinwu u l-Fresher’s Week toffri pjattaforma perfetta biex wieħed juri dan l-impenn.

Meta student ta’ bejn is-16 u l-20 sena jiltaqa’ mal-politiku f’ambjent rilassat u mhux formali bħall-Fresher’s Week, ix-xena hi kompletament differenti minn kif il-politiku jkun jidher fil-Parlament.

Hemmhekk, il-politiku jidher aktar uman, aktar qrib u aktar aċċessibbli. Dan jista’ jagħti spinta lil ħafna żgħażagħ biex jersqu aktar lejn il-politika, jew mill-inqas ma jibqgħux jarawha bħala xi ħaġa li m’għandhiex x’taqsam magħhom.

Hemm min jgħid li ż-żgħażagħ huma l-futur, iżda l-verità hi li huma wkoll il-preżent.

Il-ħsibijiet, l-għażliet u l-enerġija tagħhom qed jiffurmaw is-soċjetà tal-lum u dan qiegħed jinħass dejjem aktar. Fl-istess ħin, politiku li ma jindirizzax lil din il-ġenerazzjoni b’mod sinċier u realistiku jkun qiegħed jissogra li jitlef il-kuntatt mal-parti l-aktar vitali tas-soċjetà.

Alex Borg, bil-mod kif jippreżenta ruħu fl-attivitajiet fil-qalba taż-żgħażagħ, qed juri li jifhem dan ir-riskju. Aktar minn hekk, qed jagħti l-eżempju lilna fil-Parlament li l-politika mhix biss dwar il-liġijiet u d-diskorsi, iżda wkoll dwar ir-relazzjonijiet umani u l-investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum.

Bħal kull ġenerazzjoni oħra, iż-żgħażagħ Maltin għandhom il-ħolm, il-ħeġġa u l-ideat tagħhom.

Jeħtieġ li jkollhom ukoll il-politiċi li mhux biss jisimgħuhom, iżda li wkoll ikunu preżenti fl-ispazji tagħhom. Il-Fresher’s Week hi eżempju ċar ta’ kif jista’ jinbena dan il-kuntatt u Alex Borg qed jagħti l-eżempju li l-politika għandha tkun qrib iż-żgħażagħ u magħhom – mhux ’il bogħod minnhom.

Flimkien sejrin inkomplu naħdmu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa l-1 ta’ Ottubru, 2025.