Opinjoni

OPINJONI: ’Il Quddiem

Fl-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista għadda minn mument importanti ħafna. L-elezzjoni għall-Kap il-ġdid kienet waħda li qajmet interess kbir

Noel Formosa
Is-Sindku
San Lawrenz

Entużjażmu, enerġija u interess kbar kemm fost it-tesserati u anke minn barra l-Partit, ħafna segwew b’attenzjoni l-andament tal-kampanja u l-messaġġi tal-kandidati.
Personalment ħassejt il-piż ta’ dak li t-Taljani jseħulu: “L imbarazzo della scelta”.
Quddiemna t-tesserati kien hemm għażla bejn żewġ kandidati tajbin ħafna li t-tnejn jistgħu joffru. L-għażla bejn Adrian Delia u Alex Borg ħolqot element b’saħħtu ta’ enerġija u entużjażmu.

’Il quddiem fil-politika u l-viżjoni
Imma kif xehdu t-tnejn li huma fuq quddiem nett kien dak tal-għaqda. Il-partitarji, il-kandidati u anke l-osservaturi kollha fehmu li l-Partit għandu bżonn jikteb paġna ġdida.
L-għaqda ma kenitx biss slogan tal-kampanja, imma realtà li ġiet murija fil-mod kif iż-żewġ kandidati mexxew lilhom infushom waqt il-kampanja u fil-mod kif irrispondew wara r-riżultat.
Alex Borg inħatar Kap, u m’hemmx dubju li f’għajnejn ħafna qed iġorr miegħu messaġġ ta’ tama u enerġija ġdida. Iżda Alex Borg waħdu ma jistax jasal fejn irid li jasal.
Għalkemm l-esperjenza tiegħu għadha relattivament ġdida, il-kapaċità tiegħu li juri maturità fil-mument opportun tagħtih kredibbiltà. Il-mod kif wera li kapaċi jisma’ “l-karba tan-nies” dik li jsaħħaħ l-għaqda fil-Partit, ta kif qiegħed jinterċetta s-sinjali taż-żminijiet li qed ngħixu fihom, nieħdu indikazzjoni ċara li hemm viżjoni.
Il-ġest tiegħu li sejjaħ l-ewwel laqgħa mal-kontestant tiegħu stess, Adrian Delia, juri li tassew qiegħed jifhem l-essenza tal-messaġġ: “Żommu l-Partit magħqud… aħdmu flimkien.” U proprju hekk ħarġet fir-ritratt tagħhom flimkien, b’caption sempliċi iżda qawwi: “Flimkien.”
Dawn huma s-sisien tal-mixja ’l quddiem. Partit li jkun kapaċi jmur lil hinn mill-firda u l-konfront interni, biex jibqa’ relavanti mhux biss għall-irwol ta’ oppożizzjoni, imma għal dak ta’ gvern alternattiv.
Il-pass li jmiss mhux faċli. Il-politika ta’ pajjiżna qed taffaċċja sfidi kbar. L-intelliġenza artifiċjali, il-bidliet demografiċi, il-pressjonijiet li ġejjin minn barra minn xtutna, u l-fatt li Malta hija parti minn Unjoni Ewropea li hi stess qed tfittex direzzjoni f’dinja mibdula.

’Il quddiem bħala mixja
Dawn mhux sfidi żgħar, iżda opportunitajiet jekk inħarsu lejhom bil-kuraġġ. Partit li jrid ikun gvern alternattiv kredibbli għandu jkollu l-kapaċità li jfassal politika fuq dawn l-oqsma. Mhux biss kliem, imma ħsieb, riċerka u pjanijiet konkreti.
Għandna bżonn Partit li jkun aktar inklussiv, li jisma’ u li jagħti spazju lil kulħadd. Ħadd ma hu għar-rimi u ħadd ma hu l-għadu tal-Partit. Irrid inkunu kapaċi nirkbu fuq il-mewġa tal-entużjażmu li nħoloq u nitrasformawha fl-enerġija ġdida li tixgħel lill-Patit. Kulħadd għandu postu.
Il-Partit irid jibqa’ “għan-nies minn qalb in-nies”. Din mhix biss frażi sabiħa, iżda sfida li teħtieġ prattika ta’ kuljum.
Il-mument tal-elezzjoni tal-Kap ġdid se jibqa’ bħala ġurnata importanti – is-6 ta’ Settembru. Imma dan il-mument ma jistax jibqa’ biss tifkira jew ritratt. Irid isir mixja, ħidma kontinwa. L-entużjażmu li qed jinħass illum irid jibqa’ jinħass għada, fix-xhur li ġejjin, u fil-ġlieda elettorali li ġejja.
Il-poplu jistenna Partit li mhux biss jikkritika lill-Gvern, imma li joffri alternattivi serji u sostenibbli. Partit li jara ’l quddiem, li jifhem il-limitazzjonijiet tiegħu imma jgħaddi minnhom biex joħloq minnhom opportunitajiet, li jgawi minnhom kull ċittadin.
Nemmen li Alex Borg, bl-għaqal li diġà wera, u bil-viżjoni li qed jitkellem fuqha, jista’ jkun il-kaptan li jmexxi l-vapur lejn il-port. Imma bħal kull kaptan, għandu bżonn l-ekwipaġġ. Huwa biss permezz ta’ tim magħqud li l-vapur jasal fil-port b’saħħtu u sigur.

Il-vapur lejn il-port
Għalhekk, illum aktar minn qatt qabel, il-messaġġ għandu jkun wieħed: ’Il quddiem flimkien. Flimkien biex nibnu Partit li jagħraf is-sinjali taż-żminijiet, Partit serju, kredibbli, li jara li l-messaġġ jasal għand kulħadd u li jkun Partit inklużiv. Flimkien biex inwasslu l-politika tal-ideat u mhux tal-personalitajiet. Flimkien biex naqbdu sfidi ġodda u nfasslu viżjoni ċara għal pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista għandu ċ-ċans jerġa’ jsir dak li kien – forza ta’ tmexxija, ta’ ħsieb u ta’ enerġija. Iċ-ċavetta tinsab fil-kelma waħda li diġà rajna li tfisser ħafna: Flimkien. U hekk biss nistgħu nimxu tassew ’il quddiem.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd  28 ta’ Settembru, 2025.