Opinjoni

OPINJONI: Is-sewqan u l-abbuż tas-sustanzi

In-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet hija qawwija f’pajjiżna. Ngħaddu diversi liġijiet biex imbagħad, taħt skuża jew oħra, ma ninfurzawhomx

Albert Buttigieg
Shadow Minister għan-Newrodiversità u l-Ħarsien tat-Tfal

Fl-ewwel seduta tal-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf, il-Gvern poġġa għad-diskussjoni abbozz ta’ liġi fuq is-sewqan u l-abbuż tas-sustanzi. Dan minħabba li kellna diversi inċidenti, xi wħud anke fatali, proprju minħabba l-abbuż tas-sustanzi waqt is-sewqan.

Filwaqt li naqbel fil-prinċipju fuq dan l-abbożż, ma nistax ma nikkummentax fuq il-fatt li l-Gvern qiegħed jipproponi dan l-abbozz bħala reazzjoni għal dak li ġara.

Għal darb’oħra, dan il-Gvern qiegħed imexxi l-pajjiż mhux daqstant bi pjan fit-tul imma b’reazzjoni għall-opinjoni pubblika.

Qiegħed ngħid dan għaliex meta konna qegħdin niddiskutu l-introduzzjoni tal-użu tal-cannabis, konna diġà ġbidna l-attenzjoni tal-Gvern fuq din l-eventwalità.

Mhux hekk biss…. f’sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari li għamilt, fosthom dwar is-sewqan taħt l-effett tas-sustanzi (b’mod partikolari dik tal-cannabis) il-Gvern mhux biss irrisponda b’mod vag għall-aħħar, imma saħanistra qal li qegħdin nallarmaw il-poplu!

Għaldaqstant, nieħu gost li issa l-Gvern qiegħed jagħmel ‘u-turn’ oħra.  L-Ingliżi jgħidu: ‘Better late than never’.

Prevention is better than cure

Jekk verament irridu naqbdu l-barri minn qrunu, allura rridu nibdew naħdmu aktar fuq il-ħtieġa tal-PREVENZJONI… dan għaliex  bħalma jgħid l-Ingliż: ‘Prevention is better than cure’.

Fil-prevenzjoni hemm żewġ fatturi li ma jistgħux jiġu mifruda minn xulxin. Dawn huma l-edukazzjoni u l-infurzar.

X’nifhmu bl-edukazzjoni? It-tweġiba għandha tkun il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni kollha b’mod ċar u bil-lingwaġġ li wieħed jista’ jifhem, jiġifieri age appropriate.

Għandha tingħata l-informazzjoni ta’ kif taħdem kull sustanza, u x’effetti kull sustanza tista’ tħalli kemm fiżikament, mentalment u għall-burdati tal-persuna. 

Li kull persuna trid tkun konxja mhux biss fuq liema huma l-konsegwenzi tal-abbuż imma x’jista’ jagħmel wieħed biex inaqqas il-ħsara – dak li jissejjaħ harm reduction.

Nemmen li din l-informazzjoni għandha tingħata minn età bikrija u tkun parti integrali tal-curriculum tat-tagħlim.

Fil-fatt, l-aġenziji Sedqa, Caritas u Oasi għandhom diversi programmi ta’ informazzjoni kemm għall-istudenti u anki għal ħaddiema.

Madankollu, nistaqsi jekk wasalx iż-żmien li dan it-taħriġ ikun b’mod obbligatorju għal kull student…  jekk wasalx iż-żmien biex min qiegħed jitgħallem biex iġib il-liċenzja tas-sewqan għall-ewwel darba jkollu dan it-taħriġ… wasal ukoll iż-żmien li meta wieħed irid iġedded il-liċenzja tas-sewqan, ikollu bżonn ta’ refresher course li jkollu din l-informazzjoni kollha.  

Il-prevenzjoni tfisser ukoll lit-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jitgħallmu minn età kmieni li, biex jieħu gost, ma għandhomx għalfejn jispiċċaw ‘patata’!   F’pajjiżna għandna l-kultura tal-binge drinking – jiġifieri xorb eċċessiv. Sfortutament, għandha diversi attivitajiet li proprju jippromovu x-xorb eċċessiv.  Iridu nifhmu li l-abbuż tal-alkoħol huwa l-akbar problema soċjali li għandna fil-pajjiż u huwa l-kawża ta’ diversi problemi soċjali oħrajn, fosthom il-vjolenza domestika, il-ġlied u l-vandaliżmu. 

Fid-dawl ta’ dawn l-abbużi kollha, wasal iż-żmien li nilqgħu s-suġġeriment tal-Caritas li talbet li l-età tax-xorb tiżdied minn 17 għal 18-il sena.  Dan qiegħed ngħidu għaliex ftit taż-żmien ilu, il-Ministru tat-Trasport, Chris Bonett tkellem dwar proposta biex iż-żgħażagħ ta’ 17-il sena jingħataw permess biex isuqu dak li l-Italja jsejħulhom ‘motorini’.

Għalkemm hu minnu li l-proposta tesiġi biex dawn iż-żgħażagħ ma jġibux il-liċenzja qabel jagħlqu l-21 sena, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk tidħol din il-proposta, se jkollna, possibbilment, problema ferm akbar ta’ sewqan taħt l-effett tal-alkħol.

L-importanza tal-infurzar tal-liġijiet

Tajjeb li niġbed l-attenzjoni li għalkemm l-opinjoni personali dwar l-użu tal-cannabis hi li din hija sustanza li tagħmel il-ħsara u allura ma nistax naqbel magħha, nifhem li ISSA li l-Gvern daħħal il-liġi, għandu r-responsabbiltà lejn min jagħmel użu minnha.

Il-Gvern għandu jadotta l-istess liġi għall-cannabis bl-istess mod kif inhi implimentata għall-alkoħol… dan meta hemm ċertu limitu sakemm wieħed jista’ jixrob – fost ir-regoli ċari li wieħed jista’ jsuq karozza sakemm ma jaqbiżx dan il-limitu tal-konsum alkoħoliku.

Din hija wkoll waħda mill-proposti mressqa mis-Sedqa u Doctors for Safety fid-dokument tagħhom –‘A consensus report on drug driving – u din il-miżura tintuża f’diversi pajjiżi f’Ewropa fejn illegalizzaw il-cannabis.

IMMA jekk il-gvern se jieħu din il-proposta li jkun hemm limitu sakemm wieħed jista’ jpejjep il-cannabis jew inkella jixrob l-alkaħol, hu, imbagħad, irid jara li jinfurza dan il-limitu bis-saħħa kollha!

In-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet hija qawwija f’pajjiżna. Ngħaddu diversi liġijiet biex imbagħad, taħt skuża jew oħra, ma ninfurzawhomx.

In-nuqqas tal-infurzar fil-każ tal-użu tal-cannabis hija eżempju ċar. Dan meta, kulfejn tmur, wieħed ixomm riħ qawwija ta’ konsum ta’ cannabis. 

Konklużjoni

Nistqarr li, bħala ġenitur, waħda mill-beżgħat u l-ansjetà li ġenituri jkollhom meta wliedhom jġibu l-liċenzja tas-sewqan hija proprju s-sigurtà ta’ wliedhom. Min għandu wliedu ta’ din l-età jaf l-ansjetà li jkollu sakemm uliedu jerġgħu jidħlu d-dar.

Fl-aħħar nett, insellem lil dawk kollha li tilfu lill-għeżież tagħhom f’inċidenti tat-traffiku biex jagħmlu kuraġġ.

Il-ħajja ta’ KULL bniedem tiswa ħafna biex tispiċċa fi traġedja. Għaldaqsant, ejjew inkunu lkoll kemm aħna persuni responsabbli meta nsuqu l-vetturi tagħna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa l-1 ta’ Ottubru, 2025.