Lokali

Repubblika tinnota u tilqa’ l-abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Kostituzzjoni u jintroduċi d-dritt ta’ kull bniedem li jgawdi ambjent nadif, san u sostenibbli

Għandna nintroduċu ideat prattiċi li għandhom pajjiżi oħra sabiex inkomplu nsaħħu r-relazzjoni bejn l-ambjent u l-edukazzjoni

Repubblika tinnota u tilqa’ l-abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Kostituzzjoni u jintroduċi d-dritt ta’ kull bniedem li jgawdi ambjent nadif, san u sonstenibbli u tilqa’ l-appoġġ tal-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ambjent għal din l-emenda.

F’dan il-kuntest, Repubblika qed tagħmel dawn iż-żewġ osservazzjonijiet:

1.⁠ ⁠Dan l-abbozz ta’ liġi jipproponi li jkun irrikonoxxut dritt tal-bnedmin (mhux obbligu ta’ salvagwardja tal-ambjent innifsu). Hu pożittiv li l-abbozz ta’ liġi jneħħi l-bżonn li individwu li jġib ilment fil-qorti jrid l-ewwel juri li saret ħsara lilu fuq bażi individwali biex imbagħad qorti tkun tista’ tikkunsidra xi ħsara tkun saret lill-ambjent. 

Madanakollu, fil-fehma tagħhom, l-abbozz għandu wkoll ikun ċar li għandu jkun possibbli tittieħed azzjoni mingħajr il-bżonn li jintwera li l-ħsara li tkun saret lill-ambjent kellha ħsara fuq il-bnedmin.

Jidhrilhom ukoll li jkun aħjar jekk il-ħsara li ssir lill-ambjent tkun ikkastigata bi proċeduri kriminali mingħajr il-bżonn li jkunu ppruvati xi konsegwenzi fuq il-bnedmin. Repubblika diġà għamlet dan l-argument fl-Istrateġija u l-Manifest Kontra l-Korruzzjoni li ppubblikaw fl-2024. Huma jemmnu li l-ħarsien tal-ambjent hu responsabbiltà kollettiva tal-umanità u meta ssir ħsara lill-ambjent, min jagħmilha għandu jaffronta l-konsegwenzi. 

Hu għalhekk li qed jargumentaw favur il-kriminilazzazzjoni tal-ekoċidju u li f’kawżi kontra persuni akkużati li għamlu ħsara lill-ambjent u li għandu jkun possibbli li għaqdiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-promozzjoni u s-salvagwardja tal-ambjent jaġixxu f’isem l-ambjent bħala vittma, iressqu każi għall-prosekuzzjoni, u jirrapreżentaw lill-ambjent parte civile fil-qrati kriminali.

L-ambjent hu vittma tal-aġir tal-kriminalità organizzata, tal-ħasil tal-flus mill-kriminalità, tal-korruzzjoni, u tal-kompliċità korrotta u kriminali tal-Istat fl-isfreġju li jsirlu. 

Qed ifakkru li l-Kostituzzjoni diġà tagħraf l-obbligu tal-Istat li “jħares u jikkonserva l-ambjent… għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri u għandu jieħu miżuri sabiex jindirizza kull għamla ta’ degradazzjoni tal-ambjent f’Malta”. Iżda mbagħad, il-Kostituzzjoni stess tipprovdi li dan l-obbligu mhux infurzabbli mill-Qrati.

Hi l-fehma tagħhom li dan l-obbligu tal-Istat direttament lejn l-ambjent għandu jkun infurzabbli u infurzat. 

2.⁠ ⁠Jidhrilhom ukoll li t-tibdil biċċa biċċa tal-Kostituzzjoni ma jagħmilx ġid lill-kompletezza ta’ dan il-kuntratt fundamentali bejn l-Istat u ċ-ċittadini. Għalhekk fakkru li pajjiżna ilu jistenna mill-2012 li tinżamm il-wegħda għal Konvenzjoni Nazzjonali biex tiddiskuti l-Kostituzzjoni u li altru li wasal iż-żmien li ssir konsultazzjoni effettiva, wiesgħa u ħolistika mal-komunità kollha.