Internazzjonali

Roberta Metsola tindirizza lill-mexxejja Ewropej fid-Danimarka

“L-Ewropa trid tibqa’ l-aqwa u l-aktar post sigur fejn wieħed jgħix”

“L-Ewropa trid tibqa’ l-aqwa u l-aktar post sigur fejn wieħed jgħix.”

Hekk saħqet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta indirizzat lill-mexxejja Ewropej fil-Kunsill Ewropew Informali f’Kopenhagen… fejn enfasizzat l-impenn sod tal-Unjoni Ewropea għall-paċi u s-sigurtà… u biex tkun effettiva għall-ġid taċ-ċittadini.

Il-President Metsola esprimiet solidarjetà sħiħa mad-Danimarka wara li drones suspettużi dehru jittajru ħdejn ajruporti u siti militari.

Qalet li huwa ċar li l-Ewropa qed tiffaċċja livell ġdid ta’ provokazzjoni – fuq l-art, fuq il-baħar, u issa fl-ajru.

L-MEP Maltija qalet li din hija realtà ġdida li tenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tagħti ħarsa onesta lejn il-kapaċitajiet biex tiddefendi lilha nnifisiha.

Il-President Metsola saħqet fuq l-appoġġ sod tal-Parlament Ewropew lejn l-Ukrajna. Hija affermat mill-ġdid li “dak li qed jiġri lill-Ukrajna qatt m’għandu jerġa’ jiġri mkien fl-Ewropa,” filwaqt li enfasizzat l-importanza tal-appoġġ finanzjarju, l-indipendenza tal-enerġija mir-Russja u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Ewropa.

Dwar il-Lvant Nofsani, il-President Metsola sejħet il-qafas ta’ paċi propost mill-Istati Uniti – u li sab l-appoġġ tal-Istati Għarab u tal-Golf – bħala kisba importanti li tista’ ttemm it-tbatija f’Gaża.

Il-President Metsola rreferiet ukoll għall-ħidma qawwija tal-Parlament biex jagħmel l-Unjoni Ewropea aktar effettiva. U fakkret kif ir-riformi fil-proċeduri issa jippermettu li d-deċiżjonijiet jittieħdu fi ftit jiem jekk mhux sigħat minflok f’xhur – u dan jagħti leġittimità demokratika u riżultati f’ħin qasir.