Ingliż ta’ 56 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq oġġetti mid-duty free shop tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-akkużat, Gary John Brooks, kien arrestat it-Tnejn u tressaq il-Qorti l-Erbgħa wara nofsinhar fejn ġie akkużat li seraq prodotti li jammontaw għal €2,365.45. Fosthom kien hemm fwejjaħ u sigaretti, kif ukoll żewġ sandwiches u frappuccino fil-fliexken.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien koperattiv bis-sħiħ mal-pulizija. Intqal li filwaqt li l-fwejjaħ u s-sigaretti setgħu jingħataw lura, l-ikel u x-xorb ma setgħux jiġu rritornati. Fid-diskussjonijiet dwar is-sentenza, il-prosekuzzjoni u d-difiża legali tal-akkużat qablu li kellha tingħata sentenza sospiża.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkundannat lil Brooks għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnat id-deportazzjoni immedjata tiegħu. Qabel ma temmet il-kawża, il-Maġistrat indirizzat lill-akkużat b’osservazzjoni qawwija u qalet li dan kien każ ta’ “’looting’ mhux biss serq”.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Nicholas DeGaetano bl-assistenza tal-Ispettur tal-Pulizija Roxanne Tabone, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Francois Dalli.
//= $special ?>