Il-Malta Women’s Lobby qed jaqbel mal-PN li l-Gvern għandu mmedjatament jirtira l-abbozzi kontroversjali tal-ippjanar. Dan għaliex ir-riformi proposti qed jheddu mhux biss l-ambjent tagħna, iżda wkoll il-garanzija demokratika u r-regola tal-liġi, li tipproteġi lil kulħadd.
Jekk dawn il-liġijiet jgħaddu, ser iżarmaw lill-poplu mill-vuċi tiegħu. Minflok proċessi ġust u trasparenti, il-gvern qed jipproponi miżuri li jikkastigaw lil dawk li jqajmu tħassib leġittimu, billi jesponuhom għal multi u kawżi fil-qorti.
Dawn huma riformi mfassla sabiex iħeġġu n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni u lin-nies ipoġġuhom f’pożizzjoni impossibbli fejn ma jkunux jistgħu jiddefendu l-komunitajiet tagħhom kontra l-interessi ta’ żviluppaturi b’saħħithom.
Il-Malta Women’s Lobby tenniet kif din mhijiex biss kwistjoni ambjentali, hija kwistjoni ta’ ġustizzja, ugwaljanza u drittijiet umani. Meta ċ-ċittadini ma jkunux jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet, il-bilanċ bejn is-soċjetà u dawk li huma fil-poter jintilef.
Intant, il-Malta Women’s Lobby, jinsabu f’solidarjetà mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-attivisti u l-komunitajiet madwar Malta sabiex flimkien juru dawn ir-riformi għal dak li huma tassew; attakk dirett fuq id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-ġid tal-poplu Malti.
//= $special ?>