Id-dritt għal ambjent san u mħares bl-ogħla liġi tal-pajjiż se jkun l-ewwel abbozz ta’ liġi li se jressaq il-PN fl-ewwel seduta Parlamentari riżervata għall-Oppożizzjoni kemm ilu Kap Alex Borg
Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti lil kull Malti u Għawdxi d-dritt li jkollu ambjent san u nadif, u llum waranofsinhar se jkun qed iressaq Private Member’s Bill fil-Parlament biex dan id-dritt ikun imniżżel fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna bħala dritt fundamentali ta’ kull wieħed u waħda minna.
Bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista, kull ċittadin se jkollu l-ambjent tiegħu imħares minn kull theddida li jista’ jkollu u se jkun jista’ jżomm lill-Gvern – ikun min ikun – responsasbblil jekk dan id-dritt ma jkunx imħares.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott – l-awtur ta’ dan l-abbozz – u mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, kien spjegat kif dan huwa pass storiku għaliex id-dritt fundamentali għal ambjent san se jkun l-ewwel dritt fundamentali ġdid imdaħħal fil-Kostituzzjoni mill-1964 ’l hawn, jiġifieri minn meta Malta saret Indipendenti.
Il-Partit Nazzjonalista għamel konstulazzjoni wiesgħa dwar dan l-abbozz li sab is-sostenn ta’ ħafna għaqdiet. Issa jittama li l-Gvern jivvota favur li kull wieħed u waħda minna jkollu d-dritt għal ambjent san.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-PN jinsab miftuħ għal tibdiliet li jista’ jipproponi l-Gvern għal dan l-abbozz dment li dawn ikunu dejjem favur iċ-ċittadin u l-ambjent.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ħajja ta’ kwalità u saħħa tajba ma jistgħux jiġu separati minn ambjent nadif u sostenibbli. Hu għalhekk li qed iressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi għal dibattitu parlamentari fl-ewwel seduta allokata għall-Oppożizzjoni minn mindu Alex Borg laħaq Kap tal-Oppożizzjoni.
B’hekk l-ewwel Private Member’s Bill tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista mmexxija minn Alex Borg li se jiġi diskuss fil-Parlament hu proprju marbut mal-ambjent. Abbozz li diġà għandu l-approvazzjoni tal-għaqdiet ambjentali f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista issa ilu s-snin jitkellem dwar kif Malta qed tiffaċċja kriżi serja fl-ambjent:
- Traffiku u arja mniġġsa li qed jeffettwaw is-saħħa ta’ mijiet ta’ Maltin kull sena;
- Skart li qabeż kull livell Ewropew, b’Malta fost l-ogħla pajjiżi fil-kontinent għall-iskart ras għal ras;
- Baħar mhedded minn nuqqas ta’ ppjanar, tniġġis u nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura;
- Tkaxkir tas-saqajn fl-investiment f’enerġija nadifa u li tiġġedded;
- Nuqqas ta’ spazji ħodor u miftuħa li qed jolqtu l-benesseri u anke s-saħħa mentali tal-familji tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista ilu aktar minn sentejn jipprova jmexxi ’l quddiem dan l-abbozz, iżda l-Gvern Laburista baqa’ jinjorah u ħallieh fuq l-ixkaffa għal daż-żmien kollu.
In-nuqqas ta’ aptit min-naħa tal-Gvern li jiddiskuti dan l-abbozz juri biċ-ċar li għall-Gvern Laburista, l-ambjent huwa tajjeb biss għal fuq xi billboard fi żmien l-elezzjoni. Imbagħad jinsieh.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li dan l-abbozz mhuwiex biss miżura ambjentali iżda wkoll miżura ta’ ġustizzja soċjali billi:
- L-ambjent ikun iggarantit f’livell Kostituzzjonali, daqs id-dritt għall-ħajja u s-saħħa;
- Il-Gvern ma jkunx jista’ jibqa’ jgħaddi policies tal-ippjanar li jeqirdu l-komunitajiet, kif qed jipprova jagħmel;
- Iċ-ċittadini u l-għaqdiet ikollhom is-setgħa legali jżommu lill-Gvern responsabbli quddiem il-Qorti.
Il-PN ifakkar li aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja diġà għarfu d-dritt għall-ambjent bħala dritt fundamentali fil-kostituzzjonijiet tagħhom. Dan hu l-mument li Malta tingħaqad magħhom u tagħti sinjal ċar ta’ pajjiż serju li jħares lejn il-futur.
Aktar tard illum fil-Parlament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg se jkun qed jippreżenta formalment dan l-abbozz – abbozz li hu sinjal ta’ kuraġġ, viżjoni u impenn tanġibbli tal-Partit Nazzjonalista li mil-lum u anke mill-Oppożizzjoni qed ifassal politika għal ġenerazzjonijiet sħaħ, mhux għall-ftit tal-qalba.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-wegħda tiegħu li jibqa’ l-vuċi tal-poplu Malti u Għawdxi u jagħti lura lil kulħadd il-baħar, l-arja u l-art tiegħu – mhux biss għal-lum, iżda għall-ġenerazzjonijiet kollha ta’ dan pajjiżna.
//= $special ?>