Illum il-Partit Nazzjonalista vvota favur l-ambjent ta’ pajjiżna. Ivvota favur in-nies.
Il-Partit Laburista ivvota kontra l-ambjent. U kontra d-dritt tal-Maltin u l-Għawdxin għal ambjent san, nadif u sostenibbli mħares bil-kostituzzjoni.
Il-vot li ttieħed illum fil-Parlament kien vot biex l-abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-Partit Nazzjonalista jgħaddi għall-istadju parlamentari li jmiss, jiġifieri għad-diskussjoni li matulha kull min kellu xi suġġeriment biex itejjeb din il-liġi seta’ jagħmel dan.
Imma l-Gvern Laburista lanqas diskussjoni ma ried. U b’hekk lanqas ried jagħti d-dritt li min ried isemma’ leħnu biex isiru tibdiliet għal din il-liġi jkun jista’ jagħmel dan.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-ambjent qed jiġi diskuss biss grazzi għall-Oppożizzjoni, għaliex il-Gvern din id-diskussjoni ħalliha aktar minn sentejn fuq l-ixkaffa.
Alex Borg qal li Malta u Għawdex qed jiffaċċjaw kriżi ambjentali – għandna fost l-aktar arja maħmuġa fl-Ewropa, għandna d-drenaġġ li qed jintrema fil-baħar, għandna qagħda prekarja fl-iskart, u għandna nuqqas kbir ta’ spazji ħodor. U l-Gvern, minflok qed jagħżel li jsalva dak li fadlilna billi jħares l-ambjent bil-liġi, qed jagħżel li jwaqqaf id-diskussjoni.
Dan l-istess Gvern li fil-qilla tas-sajf prova jżerżaq mill-Parlament riforma fil-liġi tal-ippjanar li tkompli tisraq mid-drittijiet tal-poplu.
Dan l-istess Gvern li llum qam fi stat ta’ paniku, bil-Ministri jibgħatu ordnijiet lill-għaqdiet biex joħorġu dikjarazzjonijiet sfurzati.
Il-Kap tal-Partit Nazzjnalista qal li l-Oppożizzjoni waqqfet lill-Gvern milli jgħaddi din ir-riforma oxxena mill-Parlament u se tibqa’ tpoġġi pressjoni biex ir-riforma fl-ippjanar tkun waħda li tħares id-drittijiet taċ-ċittadini. U dan se tagħmlu anke dwar dan l-abbozz għall-ħarsien tal-ambjent bis-saħħa tal-Kostituzzjoni.
Alex Borg qal li fuq dan l-abbozz li ressaq il-Partit Nazzjonalista, biex Malta tagħti lill-ambjent l-ogħla protezzjoni bil-liġi, bħalma hemm f’aktar minn 100 pajjiż ieħor, minflok ma ħareġ l-id tal-ħbiberija u poġġa mal-Oppożizzjoni biex jiddiskuti kif dan l-abbozz jista’ jissaħħaħ, il-Gvern u d-Deputati tiegħu nfexxew f’kampanja ta’ twerwir u f’attakki personali.
Huwa ħasra li l-Gvern mhux biss ma poġġiex lill-ambjent u lill-poplu l-ewwel, imma pprova jwaqqaf lill-Oppożizzjoni milli tkompli tħares id-drittijiet tan-nies.
Huwa ħasra li l-Gvern kellu jaħli sentejn biex isejjaħ konsultazzjoni dwar l-ambjent.
Huwa ħasra li l-Gvern u l-membri tiegħu minflok qed jużaw il-pożizzjoni tagħhom fil-Parlament biex iħarsu d-drittijiet ta’ dawk li poġġewhom hemm, qed jużawha biex iwaqqfu liġijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull Malti u Għawdxi.
Alex Borg qal li l-Gvern mhux se jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jkompli jfassal politika għan-nies.
//= $special ?>