Lokali

Insostnu l-industrija tal-catering biex tibqa’ waħda sostenibbli u tkompli tikkontribwixxi fl-ekonomija – PN

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’aktar laqgħat dwar il-budget; dalgħodu ltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering

Il-qasam tar-ristoranti u l-istabbilimenti tal-catering huwa wieħed li jagħti ħafna lill-ekonomija ta’ pajjiżna u l-Partit Nazzjonalista jrid idaħħal miżuri biex din l-industrija tissaħħaħ fi żmien meta bosta operaturi f’das-settur qed jiffaċċjaw diffikultajiet.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) b’rabta mal-Budget 2026. Laqgħa li tmexxiet mill-President Michelle Muscat u s-Segretarju Matthew Pace.

Alex Borg qal li l-politika li qed ifassal il-Partit Nazzjonalista hija bbażata fuq ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw oqsma differenti, u s-settur tal-catering bħalissa għandu bżonn sostenn biex jibqa’ sostenibbli. Xi ħaġa li dwarha qablu wkoll il-membri tal-Kunsill tal-ACE.

Il-Kap tal-PN qal li hu għalhekk ukoll li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li r-rata tal-VAT fuq l-istabbilimenti tal-ikel tinżel minn 18% għal 7%.

Alex Borg irrimarka li pajjiżna għandu l-opportunità li jgħolli r-reputazzjoni ta’ dan il-qasam filwaqt li jiftaħ niċċa turistika ġdida – dik tal-gastronomija. Dan hu possibbli għaliex f’pajjiżna hawn talent kulinarju u gastronomiku li jista’ jkompli jpoġġi lil Malta fuq il-mappa tal-kċina kulinarja fid-dinja.

Min-naħa tagħhom, il-membri tal-Kunsill tal-ACE qalu li dejjem kellhom relazzjoni tajba ħafna mal-Partit Nazzjonalista u li r-realtajiet u d-diffikultajiet tal-qasam tal-catering jeħtieġ li jiġu indirizzati kemm jista’ jkun malajr.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jfassal il-politika tiegħu fuq dak li qed jisma’ mingħand ir-rappreżentanti tal-oqsma differenti tal-ekonomija.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco, ix-Shadow Minister għax-Xogħol Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia.  

Ritratt: Martin Agius