Italo Henrique Costa Dos Santos, Brażiljan ta’ 24 sena, għadu miżmum fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi minkejja li temm sentenza ta’ ħames xhur ħabs wara li nstab ħati ta’ traffikar tal-kannabis. Huwa kien ikkundannat mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo għal ħames xhur ħabs flimkien ma’ multa ta’ €450, u wara li temm il-piena tiegħu f’Awwissu, minflok ma nħeles ġie trasferit għal Ħal Safi fit-23 ta’ Awwissu 2025.
Din iż-żamma ġiet ordnata minħabba li l-permess ta’ residenza tiegħu tneħħiet wara l-kundanna u l-appell tiegħu fuq din id-deċiżjoni għadu pendenti. Il-problema li qajmet kontroversja hi li l-appell tiegħu kellu jinstema’ din il-ġimgħa quddiem il-Bord tal-Appelli tal-Immigrazzjoni iżda s-seduta ġiet ikkanċellata b’mod urġenti wara li l-president tal-Bord irreżenja b’mod immedjat, li kkawża dewmien indefinit u akkumulazzjoni ta’ kawżi pendenti.
Skont id-difiża, l-imputat issa jinsab f’“limbu legali” peress li l-proċeduri ma jistgħux jimxu ‘l quddiem u huwa qed jinżamm priġunier mingħajr bażi valida. L-avukat José Herrera, li qed jiddefendih flimkien ma’ Niaomi Sciciluna, sostna li f’pajjiżi bħall-Ingilterra u l-Italja jeżistu qrati speċjalizzati fl-immigrazzjoni li jipprevjenu sitwazzjonijiet bħal dawn, fejn individwu jista’ jibqa’ miżmum indefinittivament minħabba dewmien amministrattiv.
Huwa fakkar li l-liġi Maltija tippermetti lil kull min jinsab fi stat ta’ detenzjoni li mhux relatat ma’ reat kriminali pendenti biex jitlob mill-Qorti tal-Maġistrati eżami urġenti u ħelsien immedjat jekk id-detenzjoni ma tkunx ġustifikata.
Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Ispettur Karl Roberts f’isem l-Uffiċċju Prinċipali tal-Immigrazzjoni, sostniet li ladarba l-permess ta’ residenza tiegħu ġie revokat, Dos Santos għandu jiġi kkunsidrat bħala immigrant illegali u għalhekk il-miżuri ta’ detenzjoni kontrih huma ġustifikati.
L-ispettur kkonferma wkoll li kien hemm korrispondenza kontinwa mal-Bord dwar l-appell pendenti iżda bħalissa s-seduti kollha qed jiġu posposti minħabba r-riżenja tal-president. Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-ħabiba tiegħu, li taħdem fis-settur tal-logħob tal-ażżard, li qalet li hija lesta taġixxi bħala garant, tipprovdi akkomodazzjoni u tappoġġjah finanzjarjament jekk jinħeles.
Din ix-xhieda għandha tkompli tinstema’ nhar it-Tnejn li ġej, meta l-Qorti mistennija tiddeċiedi jekk id-detenzjoni tiegħu għandhiex titqies illegali u jekk jistax jinħeles bil-kundizzjonijiet meħtieġa. Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
//= $special ?>