Fid-dawl tad-dibattitu attwali dwar ir-rata tal-fertilità f’Malta li, fil-preżent, hija l-aktar waħda baxxa fl-UE, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ pjan olistiku nazzjonali li jittratta l-fatturi numerużi u interkonnessi li jikkontribwixxu għal din l-isfida demografika.
Waqt li l-NCPE jappoġġja proposti ta’ inċentivi finanzjarji biex iħajru lin-nisa u l-irġiel ikollhom aktar tfal jekk jixtiequ, tenfasizza li tali miżuri qatt mhu se jkunu biżżejjed jekk ma jkunux akkumpanjati b’riformi strutturali aktar wiesgħa li jindirizzaw il-kawżi sottosstanti tal-fertilità baxxa.
Studju riċenti tal-NCPE wera li wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tkabbir tal-familja f’Malta huwa d-diffikultà li l-ġenituri jiffaċċjaw fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja fil-familja. Ir-riċerka turi li, għalkemm kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jixtiequ li jkollhom aktar tfal, ħafna mhumiex sodisfatti bil-qosor u l-ħlas baxx fil-politiki attwali dwar il-leave. Il-parteċipnti urew ħtieġa ċara ta’ leave tal-familja itwal u mħallas aħjar, inkluż il-leave tal-maternità, paternità u ġenitorjali u leave speċifiku meta t-tfal ma jkunux jifilħu.
L-istudju jipproponi diversi rikmandazzjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka biex jiġu ffaċċjati dawn l-isfidi. Dawn jinkludu l-estensjoni tal-leave tal-maternità għal sitt xhur b’paga sħiħa, żieda fil-leave tal-paternità għal erba’ ġimgħat, u żieda tal-leave ġenitorjali għal sitt xhur li jinqasam b’mod ugwali bejn il-ġenituri u kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli. Jitlob ukoll li jissaħħu s-servizzi relatati mal-familja u s-sistemi ta’ appoġġ sal-età tal-iskola obbligatorja, spostament kulturali li jivvalorizza responsabbiltajiet familjari maqsuma bejn in-nisa u l-irġiel u l-izvilupp ta’ strateġija nazzjonali komprensiva dwar il-familja. Ir-rata ta’ fertilità f’Malta, baxxa b’mod persistenti, hija inkwetanti ħafna u toħloq riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi dejjem aktar serji. Huwa biss pjan ta’ azzjoni nazzjonali kkoordinat b’oġġettivi ċari, qafas ta’ miżuri konkreti fl-oqsa varji tal-politika u li jalloka r-riżorsi meħtieġa li jista jagħmel tajjeb għal din il-kriżi demografika. Biex dan il-pjan, li jiżvolġi fuq tul ta’ żmien, jiġġ implimentat b’mod effettiv, il-parteċipazzjoni attiva tad-diversi partijiet interessati, bħall-ministeri u imsieħba soċjali hija kruċjali.
//= $special ?>