Lokali Parlament

M’hemmx triq tan-nofs, jew favur jew kontra l-ambjent


Mark Anthony Sammut, PN

Id-deċiżjoni li għandna quddiemna aħna llum hija ċara ħafna. Jew favur jew kontra l-ambjent. M’hemmx triq tan-nofs. Aħna ddeċidejna u se nivvutaw favur ambjent san, nadif u sostenibbli għall-ġenerazzjoni tal-lum u għall-ġenerazzjonijiet tal-quddiem. Issa jonqos biss naraw x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan.
Hekk qal ilbieraħ id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut waqt id-diskussjoni tal-bieraħ dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-protezzjoni tal-ambjent tiddaħħal bħala dritt fil-Kostituzzjoni.


Hu qal li tliet snin ilu l-ewwel reazzjoni tal-Gvern kienet li dan id-dritt li qed tipproponi l-Oppożizzjoni li jiddaħħal fil-Kostituzzjoni ta’ Malta diġà jeżisti u allura m’hemmx bżonnu. Illum qed jgħidulna li din il-bidla se taqleb id-dinja ta’ taħt fuq. Il-prinċipju vera kien jeżisti, imma aħna ma rridux prinċipji biss, irridu li dan isir dritt fundamentali. Dritt fundamentali għal ambjent san, nadif u sostenibbli.


Min jista’ ma jaqbilx ma’ dritt bħal dan? staqsa Mark Anthony Sammut. Mhux kull ċittadin għandu jkollu dritt għal arja nadifa, għal baħar nadif, għal ambjent san?


Hu akkuża lill-Gvern li għax jibża’ minn dan id-dritt qed imexxi kampanja biex ibeżża’ lil ħaddieħor. Kampanja ta’ tkeskis u gideb biex ibeżżgħu lill-isportivi, lid-dilettanti festi, lill-kaċċaturi, lil dawk li jaħdmu fil-kmamar tan-nar.


Mark Anthony Sammut qal li l-kelma ambjent tfisser ukoll il-kundizzjonijiet soċjali u kulturali tagħna, aspetti li mhuma ta’ periklu għal ħadd, anzi li jissalvagwardaw il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna.

Il-Ministru tal-Ambjent qiegħed kważi kważi jagħti l-impressjoni li b’dan l-abbozz se jispiċċa n-nar, il-futbol, il-baned. Jiġifieri, nistaqsih jien, dawn qed jgħid li huma maħmuġin, li mhumiex sani, li mhumiex sostenibbli? Dak li qed jgħid il-Gvern mhuwiex ħlief ereżija. Il-vera inkwiet tal-Gvern hu għaliex bi dritt bħal dan fil-Kostituzzjoni ma jkunux jistgħu jitfgħu aktar drenaġġ fil-baħar.


Mark Anthony Sammut fakkar fl-ironija li fit-28 ta’ Lulju tal-2022 l-Assemblea Nazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għaddiet riżoluzzjoni biex id-dinja kollha tirrikonoxxi l-ambjent san, nadif u sostenibbli bħala dritt uman, l-istess dritt uman li qed tipproponi din il-mozzjoni. U l-Gvern Laburista dakinhar kien ivvota favur. Allura dakinhar kien qed jivvota kontra l-isport, il-kaċċa, il-baned u l-festi? L-ipokresija tagħhom stess tikxifhom.


Il-mistoqsija lill-Gvern hi waħda, temm jgħid Mark Anthony Sammut, intom favur jew kontra l-ambjent? Jekk iva vvutaw favur, għax m’hemmx triq tan-nofs, jew favur jew kontra. Aħna ddeċidejna favur il-ġenerazzjonijiet tal-lum u għada. Jonqos biss inkunu nafu fuq liema naħa qiegħed il-Gvern, sostna Mark Anthony Sammut.