il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, illiberat lil David Scicluna, ta’ 38 sena minn Marsaskala fuq serq. L-imputat kien akkużat li bejn l-ewwel u t-tielet ta’ Ottubru 2022 seraq tliet roti u l-pjanċi tar-reġistrazzjoni minn fuq karozza tat-tip Toyota Vitz li kienet ipparkjata fi Triq tas-Sejba, l-Imqabba.
Huwa kien akkużat ukoll b’riċettazzjoni tal-istess oġġetti, li kiser ordni ta’ probation li kienet imposta fuqu fl-2021 u li kien reċediv. Il-provi juru li wara inċident stradali li kellha s-sid tal-karozza fit-28 ta’ Settembru 2022, il-vettura ġiet irmonkata u tħalliet f’għalqa miftuħa.
Ftit jiem wara, is-sidin innotaw li nsterqu tliet roti u l-pjanċi tar-reġistrazzjoni u sar rapport lill-pulizija. Fis-27 ta’ Ottubru 2022, waqt li l-pulizija kienet qed tinvestiga serqa oħra, arrestat lil Scicluna filwaqt li kien qed isuq karozza mikrija, u waqt tfittxija sabu ż-żewġ pjanċi misruqa fil-bagoll.
L-imputat fil-kummenti tiegħu qal li kien iltaqa’ ma’ persuna jisimha Francois Cumbo li tah il-pjanċi biex iżommhom, iżda ma kienx jaf minn fejn kienu nġabu, għalkemm issuspettahom bħala misruqa. L-imputat insista wkoll li l-karozza li kien qed isuq kienet kultant tintuża minn persuni oħra u allura ma jafx kif il-pjanċi spiċċaw ġewwa l-vettura tiegħu.
Il-Qorti osservat li l-provi kollha juru li l-pjanċi misruqa kienu fil-pussess tal-imputat fil-27 ta’ Ottubru 2022, jiġifieri tliet ġimgħat wara d-data indikata fl-imputazzjoni, iżda ma kienx hemm provi diretti jew ċirkostanzjali li jorbtu personalment lil Scicluna mas-serqa nnifisha. L-ewwel akkuża ta’ serq għalhekk ma setgħetx tiġi ppruvata.
Dwar l-akkuża alternattiva ta’ riċettazzjoni, il-Qorti qieset li għalkemm kien hemm provi biżżejjed li juru li l-pjanċi kienu misruqa u li l-imputat kien fil-pussess tagħhom, il-Prosekuzzjoni kienet limitat il-perijodu temporali tal-reat bejn l-ewwel u t-tielet ta’ Ottubru 2022.
Dan ifisser li l-Qorti kellha tqis biss jekk l-imputat kienx laqa’ għandhu jew akkwista l-oġġetti f’dak il-perijodu speċifiku. Peress li l-provi wrew biss il-pussess tiegħu fit-27 ta’ Ottubru, jiġifieri wara l-perijodu indikata, il-Qorti ma setgħetx issibh guilty lanqas ta’ riċettazzjoni.
Il-Qorti enfasizzat il-prinċipju fundamentali fil-liġi kriminali li ħtija trid tiġi ppruvata lil hinn minn kull dubju raġjonevoli u li fejn jeżisti dubju dan għandu jmur favur l-imputat. Għaldaqstant, id-dubju dwar il-ħin eżatt meta Scicluna seta’ akkwista jew laqa’ għandu l-oġġetti misruqa wassal biex il-Qorti ma setgħetx tasal għall-konklużjoni tal-ħtija tiegħu.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Maġistrati ma sabitx lil David Scicluna ħati ta’ ebda wieħed mir-reati li kienu imputati lilu u għalhekk illiberatu mill-akkużi kollha.
//= $special ?>